Skip to main content

Alla Fil-Glorja Tiegħu

“Nirringrazzja ’l Kristu Ġesù Sidna, li għamilni setgħan, għax ikkonsidrani fidil u appuntani f’das-servizz, avolja darba kont midgħi u persekutur u insolenti. Frattant sibt ħniena għax aġixxejt bl-injoranza u fl-inkredulità; il-grazzja ta’ Sidna tfawret fuqi, bil-fidi u l-imħabba li huma fi Kristu Ġesù. Affidabbli l-affermazzjoni u jistħoqqilha aċċettazzjoni sħiħa: Kristu Ġesù ġie fid-dinja biex isalva l-midinbin - li fosthom jien l-ewlieni. Iżda minħabba f’hekk sibt ħniena sabiex fija, l-agħar midneb, Ġesù Kristu jesibixxi l-paċenzja illimitabbli tiegħu bħala eżempju għal dawk li għandhom jemmnu fih għall-ħajja eterna.Issa lis-Sultan etern, immortali, inviżibbli, l-uniku Alla, ikunu unur u glorja għal dejjem ta’ dejjem. Ammen” (1 Timotju 1:12-17).

Alla tagħna hu l-Pantokrator, l-Omnipotenti, u allura hu t-torri setgħan tagħna, li fih ninħbew. Kemm tabilħaqq il-konfidenza tagħna fih tixhed il-fidi li nistqarruh bħala El Xaddaj? Ewwilla hi loġika niddependu fuqu għall-ġustifikazzjoni u l-glorifikazzjoni tagħna, iżda mhux għall-provdiment ta’ ħwejjeġ żgħar ta’ kuljum?

Kollox possibbli għal Alla. Naturalment b’kollox irridu nfissru kull ħaġa konsistenti man-natura tiegħu. Hi assurdità tgħid li Alla kapaċi jigdeb, imut jew jiċħad lilu nnifsu, ħwejjeġ li l-Iskrittura nfisha espliċitament issemmi bħala eżempji tal-limitazzjoni divina fl-omnipotenza tiegħu, limitazzjonijiet li huma proprjament il-glorja tiegħu. Għax għalkemm Alla kapaċi jagħmel linja dritta b’għasluġ mgħawweġ, ma jistax imur kontra n-natura tiegħu stess. 

Inkwantu l-omnipreżenza tiegħu, mill-Medju Evu ssawret did-definizzjoni sublimi dwarha: iċ-ċentru t’Alla jinsab kullimkien, u ċ-ċirkonferenza tiegħu mkien. Fuq l-istess binarju, Alla l-ħaj ma jistax jissakkar f’xi post partikolari, għax is-sema hu t-tron tiegħu, u l-art mirfes riġlejh. Ebda maqdes ma jista’ jinbnielu biex jgħammar fih. Hu li firex is-smewwiet, is-smewwiet ma jistax jesgħu. Bl-istess mod, Alla ma jistax jitħalla barra minn xi post, mhux għax għandu bżonn post biex ikun kontenut fih, iżda għax fl-immensità tiegħu hu infinit. Il-moħħ spiritwali jarah f’kollox, imqar fi ħwejjeġ naturali, avolja l-moħħ karnali ma jarah f’xejn, lanqas fi ħwejjeġ spiritwali.

Xi ngħidu għal qdusitu? Alla hu mħabba, Alla hu nar li jikkonsma; iżda l-appellazzjoni l-aktar frekwenti mogħtija lilu fl-Iskrittura hi “l-Qaddis.” Żvela qdusitu lil Iżrael; u xtaqhom jikkonsidrawha bħala l-ġmiel tan-natura tiegħu. Jekk nikkummissjonaw ritratt ta’ raġel, nipprovaw nirrappreżentaw wiċċu, mhux idu jew dahru, u lanqas siequ. Nagħmlu tentattiv biex niddelinjaw ġmielu, biex niffriskaw imħuħna b’dak li hu l-aktar memorabbli u jiddistingwih fis-sura esterna tiegħu. Issa filwaqt li l-id jew is-swaba’ t’Alla jiddenotaw setgħetu u l-ħila tiegħu, u t-tron tiegħu hu s-simbolu tal-maestà u d-dominju tiegħu, hu nnifsu jikkonsidra qdusitu bħala l-appan veru tal-karattru tiegħu. Hekk iridna nkunu nafuh, bħala l-Missier Qaddis, kif sejjaħlu Ibnu speċifikament, jew b’mod aktar poetiku, Missieri jew Missierkom tas-smewwiet, ċoè, ta’ kwalità sublimi, ta’ purità u safa hekk li l-anġli mhumiex nodfa quddiemu, li għajnejh huma wisq safjin biex jaħmel l-inikwità. 

Talba: “Aħna nittraċċaw nisilna minnek, o Alla Kreatur. Int sawwartna mit-trab tal-art u għamiltna fuq ix-xbieha tiegħek, biex nagħrfuk, inħobbok u nservuk, u wara dil-ħajja tintroduċina għall-glorja eterna, bil-merti tal-Ħaruf provdut minnek stess, il-Feddej li xtrana biex jifforma minna poplu pekuljari tiegħek, li jqimek u jservik fl-Ispirtu u fil-verità. Ħu ħsieb, Mulej, biex l-għan tajjeb tiegħek jintlaħaq fina.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Is-Solitudni

“Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: waqt biex titwieled u waqt biex tmut; waqt li tħawwel u waqt li taqla’ l-imħawwel; waqt li toqtol u waqt li tfejjaq; waqt li tibki u waqt li tidħaq; waqt li tagħmel il-vistu u waqt li tiżfen; waqt li tarmi l-ġebel u waqt li tgeddes il-ġebel; waqt li titgħannaq u waqt li titbiegħed mit-tgħanniq; waqt li tfittex u waqt li titlef; waqt li terfa’ u waqt li tarmi; waqt li tqatta’ u waqt li tħit; waqt li tiskot u waqt li titkellem; waqt li tħobb u waqt li tobgħod; waqt ta’ gwerra u waqt ta’ sliem” (Ekkleżjażti 3:1-8). Is-solitudni, bħal-lupi bir-ragħwa f’ħalqu, tissajja fid-dellijiet tal-avversità, lesta biex taqbeż fuqi. Jgħidu fjakkola mkebbsa tgerrex lil-lupu u ma jersaqx lejk. Jheddek, imma jibqa’ distakkat. Il-fjakkola hi biss il-komunjoni li nista’ mmantni kostantement, bla interruzzjoni, mal-Missier. Imma rrid inżommha f’idi, mhux nitlaqa’ quddiem l-għarix. U nieħu ħsiebha, mhux nittraskuraha.  Inġerragħ is...