Skip to main content

Ħobbu Lil Xulxin

“Bħalma ħabbni l-Missier, hekk jien ukoll ħabbejtkom. Issa ibqgħu f’imħabbti. Jekk iżżommu l-kmandamenti tiegħi, tibqgħu f’imħabbti, bħalma jien żammejt il-kmandamenti ta’ Missieri u nibqa’ f’imħabbtu. Għidtilkom hekk sabiex il-ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il-ferħ tagħkom ikun komplut. Dan hu l-kmandament tiegħi, li tħobbu ’l xulxin bħalma ħabbejtkom jien” (Ġwanni 15:9-12).

Kull min hu diġà ġustifikat – dikjarat ġust minħabba s-sagrifiċċju tal-Kalvarju – qiegħed ukoll ikun santifikat, mifrud mid-dinja għal Alla f’oqsma diversi ta’ ħajtu. Is-santifikazzjoni hi proċess li jtul sakemm nieħdu l-aħħar nifs. 

Issa, tibqa’ fl-ubbidjenza u tibqa’ fl-imħabba ta’ Kristu Ġesù huma fatturi li ċertament huma inseparabbli. Ħajja taħt it-tmexxija ta’ Kristu tagħti prova li l-Mulej jitgħaxxaq bina. Jekk irridu nixxemxu fi mħabbtu, jeħtieġ nosservaw il-kmand ta’ Kristu. Jekk naħbu d-dnub f’qalbna, ma nkunux nistgħu ngħixu fl-imħabba ta’ Kristu. Mingħajr il-qdusija li togħġob lil Alla, ma nistgħux nogħġbu lil Kristu. Min ma jimportahx mill-qdusija ma jafx xi tfisser l-imħabba tas-Salvatur.

Li tgawdi konxjament l-imħabba tal-Mulej hi ħaġa delikata. Hi wisq iżjed sensittiva għad-dnub u l-qdusija milli l-merkurju hu għall-kesħa u s-sħana. Meta nkunu sensittivi fil-qalb, u attenti kif nutilizzaw il-ħsieb, ix-xofftejn u mġibitna biex nonoraw lill-Mulej Ġesù, imbagħad nirċievu indikazzjonijiet bla għadd ta’ mħabbtu. Jagħtina sinjali kontra sinjali li qed ingawdu t-tbissima divina fuq ħajjitna.

Jekk nixtiequ nipperpetwaw it-tali hena, jeħtieġ nimmiljoraw fil-qdusija. Il-qdusija tnissel l-hena vera; it-tnejn ma jistgħux ikunu divorzjati minn xulxin. Veru li min jixtieq jgħix ġustament ibati, iżda jkun kapaċi jithenna mqar fi tbatijietu. 

Il-Mulej Ġesù mhux se jaħbi wiċċu minna sakemm ma naħbux wiċċna minnu aħna. Id-dnub, id-dnub waħdu, jifforma dik is-sħaba li tgħatti x-Xemx tagħna. Jekk inkunu ubbidjenti bil-għaqal u kkonsagrati kompletament, inkunu nafu mill-esperjenza xi ħlewwa fiha x-xirka tagħna miegħu. “Jekk nikklejmjaw illi għandna xirka miegħu u frattant nimxu fid-dlam, nigdbu u m’aħniex nipprattikaw il-verità. Imma jekk nimxu fid-dawl, bħalma hu fid-dawl, għandna xirka ma’ xulxin, u d-demm ta’ Ġesù Ibnu jippurifikana minn kull dnub” (1 Ġwanni 1:6-7). 

Inkunu ċerti fina nfusna li ninsabu fl-imħabba ta’ Ġesù, bħalma Ġesù jinsab fl-imħabba tal-Missier. Hawnhekk għandna wegħda ħelwa b’jekk solenni. Appena u daqskemm inwettqu l-jekk, ingawdu l-komunjoni. Bħal ċavetta, biha niftħu l-kaxxetta tat-teżor.

Talba: “Definittivament, Mulej, doqna u nafu mill-esperjenza illi inti Alla fidil, Salvatur potenti, Missier benovolenti. Allura issa, bħal trabi appena mwielda, oħloq fina xenqa għall-ħalib spiritwali u pur, sabiex bih navvanzaw fit-tgawdija tas-salvazzjoni tagħna u nsiru aktar effettivi fil-ministeru tagħna. Nitolbuk f’isem Kristu. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...