Skip to main content

Is-Sid Favur Tiegħi!

“Għax int għamilt il-Mulej, il-kenn tiegħi, l-Ogħla, l-għamara tiegħek, hemm ebda deni ma jiġrilek, lanqas ebda ħsara ma tersaq lejn għamartek. Għax hu jqabbad l-anġli tiegħu jieħdu ħsiebek, biex iħarsuk fi triqatek kollha. Huma jerfgħuk fuq idejhom, li ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla. Int timxi fuq l-iljun u l-lifgħa; ferħ ta’ ljun u serp int tirfes taħt riġlejk. La ħabbni, jien neħilsu; naqbeż għalih, la għaraf ismi. Hu jsejjaħli u jien imwieġbu; inkun miegħu fl-għali. Neħilsu u nerfagħlu ġieħu. B’għomor twil nimlih u nurih is-salvazzjoni tiegħi” (Salmi 91:9-16).

Il-Mulej jgħid dal-kliem dwari? Iva, jekk jien għaraftu. Irrelevanti illi nkiteb qabel twieled Ġesù. “Għax kwalunkwe ħwejjeġ miktubin fl-imgħoddi nkitbu għall-istruzzjoni tagħna, sabiex permezz tal-perseveranza u permezz tal-inkuraġġiment tal-Iskritturi jkollna t-tama” (Rumani 15:4). Mela l-Bibbja kollha hi għalija; biha l-Mulej jindirizzani u jkellimni.

Imbierek il-Mulej! Jien m’inix barrani għalih. Provajtu, nafu u għalhekk nafdah. Naf li ismu jissinifika Alla li jistmell id-dnub. Bil-qawwa konvinċenti tal-Ispirtu tiegħu, mindu ġibidni lejh, kont mgħallem li qatt ma jgħammeż għad-dnub. Ma jaħmlux; ħalef illi jiġġudikah kompletament. Jasal jum meta “jagħti retribuzzjoni ’l dawk li ma jafux ’l Alla u ’l dawk li ma jobdux l-evanġelju ta’ Sidna Ġesù. Dawn iħallsu l-penalità ta’ qirda eterna lil hinn mill-preżenza tas-Sid u mill-glorja ta’ setgħetu” (2 Tessalonkin 1:8-9). 

Nafu wkoll bħala Alla li jaħfer. Jordom ħtijieti kollha minħabba s-sagrifiċċju storiku ta’ Ibnu Ġesù. Tabilħaqq ikkanċella dnubieti darba għal dejjem. It-tagħrif tas-salvazzjoni jasal “lill-poplu tiegħu bil-maħfra ta’ dnubiethom, minħabba l-ħniena tenera t’Alla tagħna, li biha se jżurna ż-żerniq mill-għoli, biex jiddi fuq dawk bilqiegħda fid-dlam u dell il-mewt, biex jiggwida saqajna fi triq is-sliem” (Luqa 1:77-79).

Ismu jfisser Alla fidil; dan nafu, għax qatt ma telaqni, anke meta l-għaqqux u l-hemm għafsu fuq spallti. Jgħasses fuqi għall-ġid tiegħi sa tmiem il-pellegrinaġġ. “M’hemmx li Alla tas-sliem innifsu jqaddiskom totalment. Jalla l-ispirtu, ir-ruħ u l-ġisem tagħkom jinżammu irreprensibbli għal miġjet Sidna Ġesù Kristu. Fidil dak li jsejħilkom, li tabilħaqq se jagħmel dan” (1 Tessalonkin 5:23-24). 

Dat-tagħrif hu għotja tal-grazzja, u allura l-Mulej jagħti iktar għotjiet b’xejn. Hu jgħid: “Naqbeż għalih, la għaraf ismi.” Din hi grazzja fuq grazzja. Osserva li jekk nixxabtu fil-għoli, il-pożizzjoni tagħna tista’ tkun perikoluża; iżda jekk il-Mulej ipoġġina hemmhekk, ninsabu sikuri. Jista’ jerfagħna biex inkunu utli għalih, u niksbu suċċess fis-servizz, biex inkunu fit-tmexxija fost il-ħaddiema, biex naqdu d-doveri ta’ ġenituri fost l-ulied. 

Jekk ma jagħmilx dan, jista’ jerfagħna mod ieħor, billi jagħtina xirka qrib tiegħu, trijonf qaddis, u antiċipazzjoni grazzjuża ta’ glorja eterna. Meta Alla nnifsu jpoġġina fl-għoli, Satana ma jistax iġarrafna. 

Talba: “Mulej, int l-oħla fost għaxart elef, il-ġilju tal-widien! Int l-għaxqa ta’ ruħna! Nixxennqu għal esperjenza ta’ xirka miegħek minn ġurnata għall-oħra! Għallimna nammiraw il-providenza għarfa tiegħek lejna, u agħtina li nkunu sottomessi għall-gwida tajba tiegħek. Fuq kollox, kattrilna l-għatx u l-ġuħ għall-għixien ġust qudidemek. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Is-Sunnara Mistura

“Tkunux idolatri, bħal xi wħud minnhom; bħalma hu miktub: ‘In-nies poġġew jieklu u jixorbu, u qamu jilagħbu.’ M’għandniex niffornikaw, bħalma xi wħud minnhom iffornikaw, u mietu tlieta u għoxrin elf f’jum wieħed. M’għandniex inġarrbu lis-Sid, bħalma xi wħud minnhom ġarrbuh, u kienu meqrudin mis-serpenti; lanqas tgemgmu, kif xi wħud minnhom gemgmu, u kienu meqrudin mill-anġlu qerried. Issa dawn il-ħwejjeġ ġraw lil dawk in-nies bħala eżempji, u nkitbu bħala ammoniment għalina, li fuqna wasal it-twettiq taż-żminijiet. Għalhekk min jidhirlu li jinsab wieqaf fis-sod għandu joqgħod attent li ma jaqax! Ebda tiġrib ma qabadkom ħlief dak li hu komuni għall-umanità. Però Alla hu fidil, u mhux se jħallikom tkunu mġarrbin lil hinn milli kapaċi tifilħu, iżda mat-tiġrib jipprovdi l-ħruġ ukoll, ħalli tkunu tistgħu tissaportuh” (1 Korintin 10:6-13). It-tiġrib jippreżenta ruħu attraenti; iwiegħed il-kuntentizza, almenu kuntentizza temporanja. Imma qatt ma jiġi b’idejh vojta – joffrili s-sodisfa...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...