Skip to main content

Int Ġwejjed jew Ġelliedi?

“Ġieħ għall-bniedem li jitbiegħed mill-ġlied, iżda l-boloh kollha jiġġieldu. Bħal wieħed li jaqbad kelb minn widnejh, hekk hu min ikun għaddej u jindaħal fi ġlied li mhux tiegħu. Bniedem b’qalb rgħiba jqajjem il-ġlied, iżda min jitma fil-Mulej ikollu r-risq. Wieħed imgħaddab iqajjem il-ġlied, u min jitbaqbaq jagħmel ħafna ħtijiet” (Proverbji 20:3; 26:17; 28:25; 29:22).

Konċett bħal dan jeħodha direttament kontra l-mentalità tad-dinja. Huwa unur, jgħidulna, jekk tiġġieled għad-drittijiet tiegħek. Qum, int jistħoqqlok aħjar. Iġġieled. Dan narawh ta’ kuljum madwarna fuq ix-xogħol, fost il-ġirien, fost il-ħbieb u f’ħafna familji wkoll.

Hija ħasra kif ħafna Kristjani, imsejħa biex ikunu ambaxxaturi tal-Prinċep tal-Paċi, iġibu rwieħhom bħall-bqija tad-dinja. X’jibqa’ mit-testimonjanza tal-Kristjan li hu miġġieled ma’ dak jew mal-ieħor? Tassew ma jistax ikun hemm paċi jekk iż-żewġ partijiet ma jaħdmux flimkien. Qed tagħmel il-parti tiegħek? Lest li saħansitra ċċedi l-hekk imsejħa drittijiet tiegħek biex tippromwovi s-sliem? Jappella l-appostlu Pawlu: “Għaliex aktarx ma ssofrux id-dannu? Għaliex aktarx ma tkunux iffrodati?” (1 Korintin 6:7).

Għal darb’ oħra, Alla jsejħilna biex aħna l-poplu tiegħu ma nagħmlux bħalma jagħmlu nies oħra, ma naqgħux għal-livell baxx tagħhom. Id-dinja tagħti ġieħ lil dak li jqum, jippoppa sidru u jiġġieled għad-drittijiet tiegħu. Lill-ġwejjed u l-kieni tikkonsidra iblah. Imma Alla jfaħħar lil dawk li jobogħdu l-ġlied u b’kull mezz jiskansawh u jitbiegħdu minnu. Jittimbra bħala boloh lill-ġellieda u l-vjolenti.

Xi trid int: l-approvazzjoni tad-dinja jew il-kommendazzjoni t’Alla? Il-prova tar-risposta tiegħek tkun meta xi ħadd jabbuża minnek. X’tagħmel? Tagħmel xenata jew tfittex li ġġib is-sliem? Int gwerrier jew paċier? “Imberkin il-paċieri, għax huma għad jissejħu wlied Alla” (Mattew 5:9).

Sakemm int tibqa’ tqis lilek innifsek bħala alla żgħir, se tkompli tiġġieled għall-pożizzjoni tiegħek – u r-riżultat ikun taħwid, kull diżgwid u għemil ħażin. Iżda jekk int tibda tqis lilek innifsek bħala qaddej t’Alla, u ta’ għajrek, tista’ tibda bl-umiltà żżomm lill-oħrajn bħala aħjar minnek.

Ħabib, jekk dal-kliem iżarżar f’widnejk, u ma jsib ebda post f’qalbek, kun af li l-problema ma tinsabx f’dal-prinċipju bibliku, iżda f’widnejk tqal u f’qalbek iebsa. Għaliex twarrab il-Kelma t’Alla? 

Talba: “Fil-povertà spiritwali tiegħi, jien indur lejk, o Alla ta’ ġenerożità bla fini. Filwaqt li nistqarr ħtijieti, saħħaħni biex ma nerġax naqa’ fl-istess għeltijiet hekk li nkasbar lil ismek. Nitolbok mill-qalb: agħmilni strument tas-sliem. Fejn hemm il-mibegħda ħallini ndaħħal imħabbtek, f’isem Ibnek il-Maħbub. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...