Skip to main content

Konverżjoni fl-Aħħar Nett?

“Wieħed mill-kriminali mdendla hemm insultah, ‘Ewwilla m’intix il-Messija, int? Salva lilek innifsek u lilna!’ Imma l-malefattur l-ieħor ċanfru. ‘Int lanqas tibża’ minn Alla,’ qallu, ‘ladarba tinsab taħt l-istess sentenza ta’ kundanna? Aħna tabilħaqq ġustament, għax qegħdin nirċievu lura x’ħaqqna għal li għamilna, imma dan ebda misfatt m’għamel.’ Imbagħad qal, ‘Ġesù, ftakar fija meta tiġi f’saltnatek!’” (Luqa 23:39-42).

Aktar ma wieħed jittratieni biex jikkonverti, aktar qed jagħmilha diffiċli u kumplikata. Sakemm toqgħod taħsibha, Alla hu aktar provokat, ix-xellej ta’ ruħek aktar inkuraġġit, qalbek aktar imwebbsa, dejnek aktar miżjud, ruħek aktar perikolata, u d-diffikoltajiet marbuta mal-konverżjoni kull jum li jgħaddi aktar multiplikati. Jekk tħalli mil-lum għall-għada, għandek ġurnata oħra minn xiex tindem, u ġurnata inqas fiex tindem. Jekk tgħid, “Għada nibda ħajja ġdida, fil-qdusija,” inevitabbilment qed tgħid ukoll, “Illum se nibqa’ f’ħajja qadima, fid-dnub.”

Iżjed ma tibqa’ passiv, meta taf x’inhu l-pass neċessarju, iżjed dnubek jitqawwa u jrabbi l-għeruq. Jekk m’intix kapaċi tilwi fergħa, x’se tagħmel meta teħxien f’zokk? Kull dewmien perikoluż, għax il-qalb tibred u tiksaħ, u l-affezzjonijiet tagħna jaqgħu. 

Satana ftit li xejn għandu tama li jegħlibna jekk ma jirnexxilux jipperswadina biex nittraskuraw dmirijietna meta jdoqq l-arloġġ. Għaldaqstant, sengħetu kollha hi kkonċentrata filli jħajjarna nipposponu, inħallu kollox għal ħin aktar adatt u aħjar. Jgħidilna, “Agħmilha siegħa oħra; ħalliha għall-għada jew il-ġimgħa d-dieħla. U għala mhux fis-sena l-ġdida?” Inessina illi d-dewmien hu tip ta’ ċaħda. 

Xi wħud fostna huma bħal dawk l-għarajjes illi tant idumu għarajjes li jispiċċaw ma jiżżewġu qatt. Hekk ħafna jinnamraw ma’ Kristu bla qatt ma jingħaqdu miegħu mistikament, b’fidi u ndiema vera. 

Hemm min hu msejjaħ fl-ewwel siegħa, ċoè, fl-infanzja jew fi tfulithom, bħalma ġralhom Samwel, Ġeremija u Ġwanni l-Battista. Xi wħud jissejħu fit-tielet siegħa, ossija f’żgħożithom - bħala eżempji għandna lil Danjel, Timotju u Ġwanni l-evanġelista. Jerġa’ oħrajn fis-sitt siegħa, f’nofs għomorhom, bħal Pietru u Indrì. Alla jogħġbu jsejjaħ ukoll fil-ħdax-il siegħa, nies bħal Ġużeppi t’Arimatea u Nikodemu. 

Meraviljożament, biex jikkonvinċina kemm is-salvazzjoni ma tiddependix minna nfusna, il-Mulej ġie li jsejjaħ imqar fl-aħħar minuta tal-aħħar siegħa, kif naraw fil-ħalliel mislub maġenbu. Il-Bibbja, li tkopri storja ta’ eluf kbar ta’ snin, tirrekordja każ wieħed biss ta’ konverżjoni preċiżament qabel il-mewt: waħda biex ħadd ma jiddispra, imma waħda biss biex ħadd ma jippreżumi. Jekk ftit huma li se jsalvaw, jerġa’ estremament ftit wisq huma dawk li se jsalvaw fl-aħħar nifs. Almenu m’għandna ebda evidenza li huwa l-kuntrarju. 

Talba: “O Alla, int sid il-vinja; int tikri ħaddiema u tibgħathom biex jaħdmu għalik. Issejjaħna kmieni jew tard, ngħodduha bħala barka insuperabbli illi ninsabu f’saltnatek biex inservuk, nadurawk u nagħtuk ġieħ. Tħalliniex inkunu bierda fil-ħeġġa jew mitluqin fit-tama. Dment li għadu l-jum, ħa nkun attivi f’għemejjel tajba biex il-glorja tiegħek tkun aktar u aktar dikjarata fost il-bnedmin. F’isem Kristu Ibnek. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Is-Solitudni

“Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: waqt biex titwieled u waqt biex tmut; waqt li tħawwel u waqt li taqla’ l-imħawwel; waqt li toqtol u waqt li tfejjaq; waqt li tibki u waqt li tidħaq; waqt li tagħmel il-vistu u waqt li tiżfen; waqt li tarmi l-ġebel u waqt li tgeddes il-ġebel; waqt li titgħannaq u waqt li titbiegħed mit-tgħanniq; waqt li tfittex u waqt li titlef; waqt li terfa’ u waqt li tarmi; waqt li tqatta’ u waqt li tħit; waqt li tiskot u waqt li titkellem; waqt li tħobb u waqt li tobgħod; waqt ta’ gwerra u waqt ta’ sliem” (Ekkleżjażti 3:1-8). Is-solitudni, bħal-lupi bir-ragħwa f’ħalqu, tissajja fid-dellijiet tal-avversità, lesta biex taqbeż fuqi. Jgħidu fjakkola mkebbsa tgerrex lil-lupu u ma jersaqx lejk. Jheddek, imma jibqa’ distakkat. Il-fjakkola hi biss il-komunjoni li nista’ mmantni kostantement, bla interruzzjoni, mal-Missier. Imma rrid inżommha f’idi, mhux nitlaqa’ quddiem l-għarix. U nieħu ħsiebha, mhux nittraskuraha.  Inġerragħ is...