Skip to main content

Wirja ta' Mħabba Divina

“Imma Alla jesibixxi l-imħabba tiegħu nnifsu lejna, billi filwaqt li konna għadna midinbin, Kristu miet għalina. Mela, billi issa ninsabu ġustifikati b’demmu, bil-wisq iżjed se nkunu salvati mir-rabja t’Alla permezz tiegħu! Għax jekk, filwaqt li konna għadna għedewwa, konna rrikonċiljati m’Alla permezz tal-mewt t’Ibnu, bil-wisq iżjed, billi issa ninsabu rrikonċiljati, se nkunu salvati b’ħajtu! Mhux hekk biss, iżda wkoll neżultaw f’Alla permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu, li permezz tiegħu issa rċevejna r-rikonċiljazzjoni” (Rumani 5:8-11).

Irrifletti tikka: għalfejn nilmentaw bil-gwaj u s-saram li jibblokkaw triqatna? Mhux is-saram li jisromna, iżda l-iskuntentizza. Sakemm għadna nipprovaw insibu twettiq għalina nfusna f’oġġetti terrestri, ma nistgħux nithennew b’Alla. Inkunu qed inwarrbu d-Donatur biex nikkonċentraw fuq id-doni tiegħu. Inkunu qed inġibu ruħna bħal dik l-għarusa li meta l-maħbub tagħha rregalalha ċurkett tad-djamanti, tant iffissat fuqu illi nsiet lill-maħbub. Kemm għandna ħabta nkunu mogħmija biċ-ċrieket bla ma nirrealizzaw li dawn huma biss daqstant espressjonijiet tanġibbli ta’ mħabba minn fuq. 

Ladarba l-Missier tana lil Ibnu, iħobbna; allura bihom jew mingħajrhom xorta waħda jħobbna. Meta nirċevuhom, ħa jfakkruna fih u fil-ġenerożità tiegħu; meta nibqgħu mingħajrhom, ħa nistabru u nżommu fil-menti tagħna illi dawn mhumiex prova infallibbli ta’ mħabbtu lejna. Il-prova dejjiema u superba ngħatat fuq il-Kalvarju. 

Raġunament differenti jdewwed fina l-iskuntentizza. Mhux l-ilma barra mill-bastiment, iżda l-ilma li jidħol mix-xquq tal-bastiment, illi jgħerrquh. Mhix l-afflizzjoni esterna li jmissha tagħmel ħajjet il-Kristjan imnikkta. Moħħ kuntent jagħraf ibaħħar bil-qlugħ ’il fuq mill-ilmijiet; iżda meta titfaċċa toqba ta’ skuntentizza, u l-gwaj jinvadi l-qalb, il-povra qalb tinkwieta u tiffonda. Agħmel, mela, bħall-baħħara: ippompja l-ilma ’l barra u qalfat ix-xquq f’ruħek. Hekk ebda sfrattu jew ingropp ma jkiddek. 

Talba: “X’wirja fenomenali ta’ mħabbtek frixt quddiemna, Missier! U frattant indendlu l-geddum. X’esibizzjoni ta’ ħniena stedintna għaliha fuq il-Kalvarju! U frattant niddubitaw mogħdijietek magħna. X’lussu ta’ fedeltà turi magħna minn ġurnata għall-oħra, minn ġimgħa għall-oħra! U frattant ingergru u nbarqmu. Aħfrilna, Mulej! Nammettu li għad għandna fehma fjakka tal-patt sinjur illi int stabbilejt magħna, f’Ibnek Ġesù. Aħfrilna, u iftħilna għajnejna biex ingawdu r-rikkezzi insondabbli miġbura fi Kristu. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...