Skip to main content

Maħfurin Biex Naħfru

“Ħa ma tipproċiedi l-ebda kelma mħassra minn fommkom, iżda biss kwalunkwe kelma tajba għall-edifikazzjoni ta’ ħaddieħor, skont kif tirrekjiedi l-okkażżjoni, sabiex tagħti grazzja ’l dawk li jisimgħuha. U tnikktux lill-Ispirtu s-Santu t’Alla, li bih kontu ssiġillati għal jum il-fidwa. Ħa jitwarrab minnkom kull imrar, għadab u rabja, għajjat klamoruż u diffamazzjoni, ma’ kull forma ta’ malizzja. Kunu benevolenti ma’ xulxin, kumpassjonali, u aħfru ’l xulxin, bħalma Alla ħafer lilkom fi Kristu” (Efesin 4:29-32).

Alla li jaħfrilna jżommna taħt il-ħarsien omnipotenti tiegħu. Xogħlu mibdi fina ma jisfax abbandunat. Bniedem maħfur, ġustifikat permezz tal-fidi fi Kristu waħdu, għalkemm jista’ u kultant jaqa’ fis-srew ta’ dnubiet moqżieża, qatt ma jistgħu jordmuh hekk illi jirriversjaw il-maħfra, jew jirreduċuh għal stat ta’ kundanna. Ladarba ġustifikat, jibqa’ ġustifikat għall-eternità. 

Kif nista’ nkun naf li ngawdi l-maħfra? M’għandikx għalfejn tixxabbat sal-Ġenna biex tikkonsulta xi reġistri jew kotba, u hekk taċċerta ruħek intix imħabbeb m’Alla. Ittawwal biss f’qalbek stess, u ara jekk intix kapaċi taħfer lill-oħrajn, intix attwalment qed taħfrilhom, kull meta jonqsuk, sinċerament u bla kondizzjoni. Jekk temmen l-evanġelju u allura tgħallimt taħfer, m’għandikx għalfejn tiddubita – Alla ċertament ħafirlek. “Jekk taħfru lill-bnedmin ħtijiethom,” jassigurana l-Imgħallem, “jaħfrilkom ukoll Missierkom li hu fis-smewwiet.” U minnufih iwissina wkoll, “Iżda jekk ma taħfrux lilll-bnedmin ħtijiethom, lanqas Missierkom ma jaħfrilkom ħtijietkom” (Mattew 6:14-15). Min qal dad-diskors għamel tajjeb għalih: xerred id-dmugħ għal dawk li xerrdulu demmu.

Mela min jiddomanda l-ħniena bla ma juriha hu nnifsu jkun qed jirrovina l-pont li se jkollu bżonn jgħaddi minn fuqu. Bniedem jispiċċa fl-abbissi tal-infern jekk imut fi dnubietu, jekk ma jemminx l-evanġelju, jekk ma jindimx, iżda wkoll jekk ma jaħfirx lill-proxxmu. 

Bħala wliedu nitolbuh għall-maħfra, sabiex immantnu mixja nadifa miegħu, u komunjoni ħelwa. Nagħmluha ċara, anke jekk ikollna nirrepetu: bħala Mħallef diġà ħafrilna kompletament, passat, preżent, futur. Bħala Missierna, però, għat-taqdis tagħna, nitolbuh, “Aħfrilna djunna, bħalma aħna naħfru lill-midjunin tagħna” (Mattew 6:12). Atteġġjament u prattika bħal din togħġob lill-Missier, iżda għan-natura midinba tagħna hi frosta qalila. Għax l-istqarrija timmortifika l-korruzzjoni, tkisser il-qalb, u tingaġġana għal ħajja qaddisa. 

Talba: “Alla Missierna, infaħħruk u nroddulek ħajr talli f’ġieħ id-demm ta’ Kristu Ibnek ma tgħoddilniex it-trasgressjonijiet tagħna u lanqas il-ħażen li għadu mqabbad magħna. Grazzi għax-xhieda tal-grazzja tiegħek f’ruħna, illi ninsabu determinati biex naħfru lill-proxxmu tagħna mill-qalb. Kompli seddaqna bil-qawwa u l-ħniena tiegħek. Hekk nonorawk, u hekk ikollna konferma solida tal-ħidma tal-grazzja tiegħek f’ruħna. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...