Skip to main content

Sagramenti Għas-Salvati

“Imma kif ra ħafna mill-Fariżej u s-Sadduċej ġejjin għall-magħmudija tiegħu, qalilhom, ‘Ja nisel il-lifgħat! Min wissiekom biex taħarbu mir-rabja li ġejja? Ipproduċu mela frott denju tal-indiema, u tissupponux li tistgħu tgħidu fikom infuskom, “Bħala missier għandna ’l Abraħam,” għax ngħidilkom, Alla kapaċi minn dal-ħaġar iqajjem tfal għal Abraħam. Il-mannara diġà tqiegħdet ma’ għerq is-siġar; għalhekk kull siġra li ma tipproduċix frott tajjeb tinqata’ u tinxteħet fin-nar’” (Mattew 3:7-10).

M’aħniex sagramentalisti, u bir-raġun! Hemm post xieraq għall-magħmudija, iżda ma nemmnux illi hi indispensabbli għas-salvazzjoni. Għall-kuntrarju, wieħed jista’ jmur l-Infern bl-ilma tal-magħmudija fuq wiċċu. 

Il-magħmudija hi importanti u neċessarja, iżda mhux biex biha titwieled mill-ġdid. Le, huwa ovvju illi l-Ispirtu s-Santu jopera kif, meta, fejn u fuq min irid hu. L-Ispirtu s-Santu hu mxebbah mar-riħ li jonfoħ. Għalkemm nisimgħu ħossu, ma nafux mnejn hu jew fejn hu sejjer. Appena wieħed jingħata ħajja ġdida fi Kristu, wara li jsir ħlejqa ġdida fih, imbagħad hu kandidat xieraq għall-magħmudija. Bħalma ċ-ċirkonċiżjoni kienet għall-poplu antik t’Alla l-għelm tal-ġustizzja tagħhom quddiemu, hekk il-magħmudija hi l-baġġ li l-fidil jappartieni għal Ġesù, li b’demmu għandu l-maħfra. Hu d-demm tal-Ħaruf li jnaddafna minn ħtijietna, mhux l-ilma tal-battisteru. 

Qabel ma s-saltna tal-grazzja tkun stabbilita fi qlubna, l-ordinanzi ma jippurifikawniex, iżda aktarx inħammġuhom. Imqar l-eżerċizzji reliġjużi tal-persuna bla grazzja jsiru dnub. “Il-Mulej jistkerrah is-sagrifiċċju tal-ħżiena, iżda t-talb tan-nies retti l-għaxqa tiegħu” (Proverbji 15:8). Qabel ma r-ruħ tiddawwar lejn Kristu, tinsab f’kondizzjoni patetika tabilħaqq! Sew jekk it-tali persuna tersaq jew tastjieni mill-ordinanza, tidneb. Jekk jibqa’ bogħod mill-ordinanza, ikun qed jistmerra; jekk jirċeviha, iniġġisha. 

L-Ikla tal-Mulej, magħrufa fostna wkoll bħala l-Komunjoni, tqanqal l-aptit spiritwali fir-ruħ riġenerata. Aktar ma l-qaddisin iduqu mill-Mulej fl-ordinanza, aktar xewqathom huma mqanqla u misnuna. Iżjed jixxenqu għalih. Ftit ħniena tista’ ssalva r-ruħ, imma jrid ikun ammont kbir ta’ ħniena biex jissodisfa r-ruħ. Ir-ruħ imġewħa tagħraf illi l-manna tal-Ispirtu normalment taqa’ man-nida tal-ordinanzi. Alla, li joħloq l-għatx fina, jissodisfahulna bil-mezzi provduti minnu stess. 

Is-sagramenti ma jagħtux il-ħajja, iżda jsostnuha; ikabbru dak diġà mibdi mill-Ispirtu. Fil-Komunjoni, idejn dgħajfa u rkopptejn imriegħda jistgħu jissaħħu, qlub imtertqa jistgħu jitfarrġu, erwieħ fid-dubju jistgħu jirriżolvu l-indeċiżjonijiet tagħhom, erwieħ imtajra jsibu stabbiltà, u erwieħ mgħaxxa jitwieżnu. Iżda erwieħ mejta ma jiggwadanjaw xejn minnhom, xejn affattu. Dawn il-ħwejjeġ qaddisa jmisshom ikunu amministrati biss lil dawk denji u kwalifikati għalihom, skont ir-regola tal-vanġelu.

L-imsieħba fil-patt m’Alla għandhom jersqu preparati. Nilbsu sew meta nkunu mistiedna għal xi pranzu mal-kbarat f’xi okkażżjoni speċjali. Hekk imissna naħsbu dwarna nfusna, meta nkunu mistiedna għall-Ikla tal-Ħaruf. Inħejju rwieħna b’meditazzjoni qaddisa u konsiderazzjoni f’qalbna u fil-kuxjenza. 

Talba: “Mulej Ġesù Kristu, aħna nappartienu għalik, midfunin miegħek bil-magħmudija fil-mewt. Bħalma tqajjimt minn bejn l-imwiet bil-glorja tal-Missier, agħtina illi aħna nimxu wkoll miegħek fit-tiġdid tal-ħajja. Għallimna ngħaddu minn jum għal jum, minn siegħa għall-oħra, bit-tifkira għażiża tiegħek fi qlubna. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Il-Mogħdrija

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu - tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja” (Kolossin 3:8-12).  Il-beninnità hi l-ispirtu ta’ trattament favorevoli, jew il-prattika kostanti u abitwali ta’ azzjonijiet amikevoli u benevolenti. Hemm żewġ prinċipji ewlenin fil-kostituzzjoni umana, li jwettqu serriegħa bla waqfien għall-predominanza: l-egoiżmu u l-benevolenza, jew il-beninnità. L-egoiżmu jikkonċentra s-sentimenti, ix-xewqat u l-azzjonijiet kollha fuq il-promozzjoni tal-benesseri i...

Lejk Nerfa' Għajnejja

“Lejk nerfa’ għajnejja, o int li tgħammar fis-smewwiet. Ara, bħalma għajnejn il-qaddejja jħarsu lejn id sidhom, u bħalma għajnejn il-qaddejja jħarsu lejn sidtha, hekk għajnejna jħarsu lejn il-Mulej, Alla tagħna, sakemm ikollu ħniena minna. Ħenn għalina, o Mulej, ħenn għalina, għax aħna mxebbgħin għall-aħħar bit-tgħajjir. Ruħna mxebbgħa żżejjed biż-żebliħ ta’ dawk li huma paxxuti, u bit-tgħajjir tal-imkabbrin” (Salmi 123:1-4).  Huwa adatt li aħna nitolbu għar-rilif mill-istmellija. Sakemm għandna n-nifs, huwa preġju u żina għalina li nfittxu ’l Alla għall-għajnuna u gwida. Evidentement das-salm huwa t-tnegħida ta’ wieħed (ma’ fidili sħabu oħrajn) li jinsab fl-arena, f’sitwazzjoni iebsa, imkeskes minn nies ħżiena u mgħobbi bl-istmellija u d-disgust tagħhom.  Imma Alla, li jippermetti d-dwejjaq jinvistana biex sikwit jgħammar magħna, jista’ jneħħih, isostnina taħtu jew jislet il-ġid minnu. Kif jista’ Alla jwarrab talb bħal dan, kif imlissen hawn? Alla kapaċi u difatti ...