Il-poplu t’Alla matul il-ġenerazzjonijiet għandu ħabta jorqod jew jiżvijja, frattant l-Ispirtu s-Santu kapaċi jġeddu u jitfa’ nifs ta’ ħajja ġdida. Dan ġara mqar mill-antik fi żmien is-saltna ta’ Ħeżekija u Ġosija. It-tali riformi jmissna nagħrfuhom bħala sinjal tal-ħniena t’Alla, li ma jitlaqx lil niesu. Li ġara fis-seklu sittax, fi żmien Luteru, kien proprju riforma oħra, però did-darba fuq skala massiva. Ħasra illi flok ma nagħrfu dan il-moviment bħalma tabilħaqq hu, ħidma tal-Ispirtu s-Santu, nittimbrawh bħala xiżma jew firda. Tabilħaqq, il-firda li ġrat f’nofs is-seklu 11, bejn il-Lvant u l-Punent, kienet waħda patetika, motivata mill-għira u pika bejn il-Griegi u l-Latini, mingħajr raġuni valida. Ir-Riforma Protestanta hemm elf raġuni għala seħħet, iżda prinċipalment ġrat għaliex Alla għoġbu jqajjem nies, fidili lejn l-Iskritturi Mqaddsa, illi xandruha fil-qawwa u s-safa tagħha, u fl-istess ħin protestaw kontra l-abbużi morali, iżda speċjalment dottrinali, tal-Knisja Ruman...