“Għax imxennaq biex narakom, sabiex naqsam xi don spiritwali magħkom ħalli tkunu ssodati – voldiri, ħalli nkunu inkuraġġiti reċiprokament sakemm indum fostkom, permezz tal-fidi ta’ xulxin, kemm tagħkom kif ukoll tiegħi. Irridkom tkunu tafu, l-aħwa, illi sikwit ippjanajt biex niġi għandkom (imma s’issa kont ipprojbit) sabiex nikseb xi frott fostkom ukoll, bħalma tabilħaqq ġara fost il-bqija tal-Ġentili. Jien obbligat kemm lejn il-Griegi kif ukoll lejn il-barbari, kemm lejn l-għorrief kif ukoll lejn l-injoranti. Hekk, sakemm jiġi minni, ninsab ħerqan biex nipprietka l-evanġelju lilkom ukoll li qegħdin f’Ruma” (Rumani 1:11-15). Is-sens ta’ meravilja fina hu missier ix-xjenza, mentri l-injoranza hi s-sliem tal-ħajja. Flimkien man-nuqqas ta’ kurżità, l-injoranza hi mħadda ratba li tistiednek tibqa’ titniegħes trankwill, għax min ma jaf xejn ma jiddubita xejn. F’ċerti komunitajiet rurali, maħkuma minn parrokkjaliżmu sfrenat, l-injoranza hi miżmuma fl-unur, u allura trid tkun i...