“Malli daħlu ġewwa l-qabar, raw ġuvnott bilqiegħda fuq il-lemin, imxedded ċulqana bajda, u kienu allarmati. Imma hu qalilhom, ‘Tallarmawx irwieħkom. Qed tfittxu ’l Ġesù n-Nazzarenu, li kien mislub. Hu rxoxtat! Mhuwiex hawn. Araw, hawn hu l-post fejn qegħduh. Iżda morru, għidu lid-dixxipli tiegħu u ’l Pietru illi sejjer qabilkom fil-Galilija. Hemmhekk se tarawh, proprjament bħalma qalilkom.’ In-nisa ħarġu u ħarbu mill-qabar, għax qabadhom it-tregħid u l-iskantament. Ma qalu xejn lil ħadd, għax beżgħu” (Mark 16:5-8). Il-fidi tagħna hi msejsa irrevokabbilment u essenzjalment fuq l-għemil mirakoluż t’Alla: il-ħolqien, l-inkarnazzjoni t’Ibnu, l-irxoxt tiegħu mill-qabar li hu l-garanzija tal-irxoxt tagħna fl-aħħar jum. Mingħajr ir-reżurrezzjoni ta’ Kristu l-fidi tagħna hi ċajta goffa, u d-dnub jibqa’ kkakkmat ma’ ruħna. Apparti l-miraklu suprem li seħħ fl-ewwel Għid il-Kbir, Alla fi stadji diversi matul l-istorja tas-salvazzjoni interviena bl-għemil speċjali, sorprendenti u spettakola...