Skip to main content

Fid-Dawl tal-Eternità

“Mill-bqija, ibni, iftaħ għajnejk: għall-kitba ta’ ħafna kotba m’hemmx tmiem, u ħafna studju hu taħbit għall-ġisem. Il-konklużjoni, wara li kollox instema’, hi: ibża’ minn Alla, u ħares il-kmandamenti tiegħu, għax dan hu d-dmir ta’ kull bniedem. Għax Alla jagħmel ħaqq minn kulma jsir, minn kull ħaġa moħbija, sew tajba u sew ħażina” (Ekkleżjażti 12:12-14).

Hawnhekk fuq l-art issir ġustizzja biżżejjed – biex nagħrfu l-valur tagħha, kemm hi indispensabbli; imma m’hawnx ġustizzja biżżejjed – biex nirrikonoxxu li għad trid issir, perfettament u ultimament. Għalhekk tkun ħaġa assurda naffermaw li l-bniedem jispiċċa mal-qabar; le, il-bniedem magħmul għall-immortalità. 

Kieku m’hemmx ħajja futura, ir-ruħ ma tixxennaqx għaliha. It-twemmin f’ħajja lil hinn mill-qabar hi l-aptit tar-raġuni. Il-poeta jgħid, “Rajt l-eternità l-lejl li għadda, bħal ċurkett kbir ta’ dawl safi u bla tmiem.” Hawn qed jitkellem mhux biss bħala individwu, imma għan-nom ta’ sħabu, bnedmin tal-istess demm u laħam – għalik u għalija.

Hawn ukoll tinsab il-feliċità vera fil-ħajja: li nkun utilizzat għal għan rikonoxxut minni nnifsi bħala għan tremendament importanti, għan uniku li jiġbor kollox fih. Flok ma nkun borża ilmenti, pakkett protesti puwerili, dejjem immaqmaq li d-dinja tinsab indifferenti lejja, u mhix tikkonċentra biżżejjed biex tagħmilni ferħan, nagħraf ir-rwol tiegħi, u nwettqu. X’differenza! 

Staqsi lilek innifsek, “X’inhi ħajti?” It-tweġiba tiddetermina l-bqija. Il-mod kif tara ħajtek hu sewwa sew il-mod kif issawwar lil ħajtek. Għax aħna ma narawx il-ħwejjeġ kif inhuma, imma narawhom kif aħna. Il-viżjoni tiegħek taqbel mal-persuna tiegħek.

Għaldaqstant nies differenti raw il-ħajja minn lentijiet differenti. Qalu li l-ħajja hi ċirku tal-kummiedja, daħna, rowlerkowster, sinfonija, dell, traġedja, vjaġġ, induvinalja, enimma, battalja, wied tad-dmugħ, bużżieqa tas-sapun. Qalu li l-ħajja hi karusell: daqqa fuq u daqqa isfel, u daqqa ddur u tagħqad. Oħrajn qalu li hi biċikletta b’għaxar gerijiet li qatt ma tużahom; jew logħba karti, u jkollok tilgħab bil-karti li jiġuk. Aktar inqarrbu lejn is-sewwa jekk nużaw il-metafora ta’ probazzjoni. “Ibża’ minn Alla, u ħares il-kmandamenti tiegħu, għax dan hu d-dmir ta’ kull bniedem.” 

Imbagħad jiġi l-ġudizzju.

Ninsabu fuq l-għatba tal-eternità. Niġbdux lejn ix-xellug jew il-lemin se jkun determinat mid-direzzjoni li mexjin fiha. 

Talba: “Agħmilni iżjed konxju, Missier, kemm għomri hu tabilħaqq qasir u mdawwar b’limitazzjonijiet. Tagħtini opportunitajiet kuljum biex inservik, u mhuwiex lant illi nittraskurahom. Ħa nqum għall-okkażżjoni u nwettaq id-dover tiegħi; għinni biex inwettqu mhux b’inkejja jew bil-geddum, iżda bi gratitudni ferrieħa lejk.”

Comments

Unknown said…
Are these only for Maltese or no ?

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Is-Solitudni

“Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: waqt biex titwieled u waqt biex tmut; waqt li tħawwel u waqt li taqla’ l-imħawwel; waqt li toqtol u waqt li tfejjaq; waqt li tibki u waqt li tidħaq; waqt li tagħmel il-vistu u waqt li tiżfen; waqt li tarmi l-ġebel u waqt li tgeddes il-ġebel; waqt li titgħannaq u waqt li titbiegħed mit-tgħanniq; waqt li tfittex u waqt li titlef; waqt li terfa’ u waqt li tarmi; waqt li tqatta’ u waqt li tħit; waqt li tiskot u waqt li titkellem; waqt li tħobb u waqt li tobgħod; waqt ta’ gwerra u waqt ta’ sliem” (Ekkleżjażti 3:1-8). Is-solitudni, bħal-lupi bir-ragħwa f’ħalqu, tissajja fid-dellijiet tal-avversità, lesta biex taqbeż fuqi. Jgħidu fjakkola mkebbsa tgerrex lil-lupu u ma jersaqx lejk. Jheddek, imma jibqa’ distakkat. Il-fjakkola hi biss il-komunjoni li nista’ mmantni kostantement, bla interruzzjoni, mal-Missier. Imma rrid inżommha f’idi, mhux nitlaqa’ quddiem l-għarix. U nieħu ħsiebha, mhux nittraskuraha.  Inġerragħ is...