Skip to main content

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7).

Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattisti (seklu 16). 

Dawn ġeneralment kienu jimxu skont l-Iskrittura; ma kinux jaċċettaw is-sagramenti Rumani, it-transustanzjazzjoni, it-tradizzjoni, il-purgatorju, l-invokazzjoni tal-qaddisin, il-quddies, iċ-ċelibat klerikali, l-awtorità tal-papa, il-venerazzjoni tas-salib, l-istatwi, ir-riġenerazzjoni bil-magħmudija, u l-preżenza reali fis-sagrament. 

Tlaqqgħu konċilji kontra dawn il-movimenti: it-Tieni Konċilju ta' Niċea (787) pronunzja kontra l-ikonoklastija. Ir-Raba' Konċilju ta' Kostantinopli (869-70) ikkonferma l-użu tax-xbihat kif ukoll il-primat tal-isqof ta’ Ruma. It-Tieni Konċilju tal-Lateran (1139), Arnaldo minn Brescia kien kkundannat. It-Tielet Konċilju tal-Lateran, fl-1179, qata’ sentenza kontra l-Katari u ħareġ projbizzjoni li wieħed jittratta magħhom. Ir-Raba’ Konċilju tal-Lateran, konvokat fl-1215, ikkundanna l-Albiġiżi u l-Valdiżi, u appella għall-kruċjata kontrihom, biex ikunu eradikati minn wiċċ l-art. Fil-Konċilju ta’ Kostanza (1414-18), Wiklef kien ikkundannat u Ħuss maħruq ħaj talli, b’imħabba sempliċi lejn l-Iskrittura, għallem l-evanġelju ta’ Sidna. 

Ladarba Kristu għeleb il-mewt, m’hemm xejn x’jista’ jwerwirna. Wieħed martri, marbut fuq il-patibolu, resaq fuqu x-xeriff u esprima d-dieqa tiegħu li se jkun kostrett jesegwixxi s-sentenza kontrih jekk jibqa’ stinat fil-fehmiet tiegħu. 

Il-martri wieġbu, “Tinkwetax, għax jien innifsi m’inix inkwetat. Ejja, qiegħed idek fuq qalbi, u ara hix tħabbat bi kwietha.” 

Ix-xeriff obda r-rikjesta tiegħu, u sab li tabilħaqq kien jinsab seren f’qalbu. 

“Issa,” qallu l-martri, “poġġi idek fuq qalbek, u ara hix aktar imħabbta minn tiegħi. Flok ma titħassar lili, tħassar lilek innifsek!” 

Meta nkunu għamilna s-sewwa, m’għandna x’nambu l-mogħdrija ta’ ħadd, avolja l-konsegwenzi immedjati jistgħu jkunu qarsa. 

Il-mewt attwalment tħarbat, imma għad jerġa’ jkun hemm reunjoni. “Għalhekk ma naqtgħux qalbna,” jafferma Pawlu, u jagħti tliet raġunijiet. Għax hawn aħna biss pellegrini, m’għandna ebda belt ċerta, u qed nippreparaw ruħna. Il-kumpens hu abbondanti. Ċerti li l-inviżibbli hu reali u dejjiemi. Dan l-atteġġjament u fedeltà daparti tagħna jqanqal tifħir, barka, glorja u radd il-ħajr lill-Mulej. 

Talba: “Mulej, int erfajtilna qlubna lejk u lejn il-ħwejjeġ ta’ saltnatek. Ikkonfermana fil-fedeltà biex nimxu miegħek bla tgħawwiġ jew tidwir; ħa ngħollu ’l fuq il-kelma tal-ħajja u tħallina qatt inkunu mistħija jew riżervati fejn jidħol l-evanġelju, akkost li jkollna nħallsu prezz. Saħħaħna biex ix-xhieda tagħna tkun kredibbli u tħalli impatt hekk li n-nies jinġibdu lejk. Ammen.”

Comments

ibrahaimjackell said…
Free slots: Play slot machines with free spins and no
Free casino slot machine games free online - 룰렛 이벤트 play slots for free, no deposit bonus, 봄비 벳 low deposit and more. 벳 365 코리아 우회 Play for free, real money and 포커 카드 win real money! 온라인 포커 추천

Popular posts from this blog

Id-Drawwa

“Ġesù rritorna fis-setgħa tal-Ispirtu fil-Galilija, u r-rapport dwaru infirex mal-inħawi kollha. Hu għallem fis-sinagogi tagħhom, imfaħħar minn kulħadd. Mar f’Nażaret, fejn trabba, u skont id-drawwa tiegħu mar fis-sinagoga f’jum is-Sibt. U qam biex jaqra Tnewwillu l-iskroll tal-profeta Isaija. Fetaħ l-iskroll u sab il-post fejn kien hemm miktub: ‘L-Ispirtu tas-Sid fuqi għax unzjonani ħalli nxandar l-evanġelju lill-foqra. Bagħatni nipproklama l-liberazzjoni lill-ikkaptivati, u dawl mill-ġdid lill-għomja, nibgħat illiberati lill-oppressati, nipproklama s-sena favorevoli tas-Sid.’ Imbagħad gerbeb l-iskroll, raddu lill-attendent u ntnasab bilqiegħda. Għajnejn kulħadd fis-sinagoga kienu ssommati fuqu, u beda billi qalilhom, “Illum twettqet din l-Iskrittura li għadkom kemm smajtu’” (Luqa 4:14-21).  Hu sinifikanti ħafna kif hawn jingħad illi Ġesù attenda l-qima fis-sinagoga “skont id-drawwa tiegħu.”  Id-drawwa, imħaddma tajjeb u bil-għaqal, fiha valur imprezzabbli. Issirilna t-tien

Rebbieħa Ma' Kristu

“Madankollu għandi naqra ħwejjeġ kontra tiegħek: għandek hemmhekk nies li jżommu mat-tagħlim ta’ Balgħam, li għallem lil Balak biex jitfa’ ostaklu quddiem ulied Iżrael, ħalli jieklu ikel sagrifikat lill-idoli, u jiffornikaw. Hekk int għandek ukoll lil dawk li bl-istess mod iżommu mat-tagħlim tan-Nikolajtin. Indem mela! Altrimenti se niġi għandek malajr u nikkumbatti kontrihom bix-xabla ta’ fommi. Min għandu widna, ħa jisma’ x’jgħid l-Ispirtu lill-knejjes. Lil min ivinċi nagħtih mill-manna l-moħbija. Nagħtih ukoll ġebla bajda, u fuq il-ġebla isem ġdid miktub li ħadd ma jafu ħlief min jirċeviha” (Rivelazzjoni 2:14-17). Qalb tiegħi, tqanqal biex tippersevera fit-taqbida qaddisa, għax il-premju tar-rebħa hu kbir. Illum nieklu mill-ikel smewwieti li jaqa’ madwar il-kampijiet tagħna, l-ikel li dejjem imantni ’ll-pellegrini fi triqthom lejn il-Kangħan. Iżda hemm merfugħ għalina fi Kristu Ġesù ikel spiritwali wisq ogħla, ikel li għalissa għadu moħbi mill-esperjenza tagħna. Fil-ġarra deh