Skip to main content

Tama Tajba

“Bit-tama, kontra kull tama, Abraħam emmen, ħalli jsir missier ħafna ġnus, skont dak li ntqal lilu, ‘Hekk se jkun nislek.’ Bla ma ddgħajjef fil-fidi kkonsidra l-ġisem tiegħu nnifsu, issa mmewwet – billi kellu madwar mitt sena – u l-isterilità ukoll ta’ ġuf Sara. Frattant, inkwantu l-wegħda t’Alla, ma qagħadx indeċiż bl-inkredulità, iżda kien imsaħħaħ fil-fidi tiegħu, waqt li ta glorja ’l Alla, u kien persważ kompletament illi dak li wiegħed, Alla kien kapaċi wkoll jagħmlu. Konsegwentement il-fidi tiegħu ‘kienet kreditata lilu għall-ġustifikazzjoni tiegħu’” (Rumani 4:18-22).

It-tama hi verġni ta’ bixra sabiħa u attraenti: il-maqgħad proprju tagħha hu fuq l-art, l-oġġett proprju tagħha fis-sema. Il-fidi hi d-difensur tagħha, it-talb l-avukat tagħha, is-sabar it-tabib, il-karità l-almoner tagħha, il-gratitudni t-teżorier tagħha, il-konfidenza l-viċi-ammirall, il-wegħda divina l-ankra tagħha, is-sliem it-tron statali tagħha, u l-glorja eterna l-kuruna tagħha. 

Dit-tama, imsejsa fuq il-qabar vojt barra minn Ġerusalemm, hi evidenti fejn l-imħabba t’Alla hi msawba fil-qalb bl-Ispirtu s-Santu mogħti lil dawk kolli li ħarsu b’fidi sinċiera lejn l-Awtur ta’ din l-istess tama. Timla l-qalb afflitta b’feliċità ġewwiena u konsolazzjoni eċċezzjonali, u kapaċi tidħaq imqar meta għajnejha mxarrba bid-dmugħ; tista’ titniegħed u tkanta fl-istess ħin, għax tikkonċentra fuq Kristu, u żomm sħiħ il-fiduċja u l-ferħ tagħha qawwija sat-tmiem. 

Il-Kristjan jittama għal barkiet li għadu mhuwiex jarahom, ċoè l-qawmien mill-mewt, id-dħul tiegħu fil-glorja, xirka perfetta m’Alla Trinità, u għaldaqstant jistenniehom b’antiċipazzjoni u bis-sabar. Tabilħaqq, it-tama hi l-għata tiegħu, li bih jitgeżwer, saħansitra, anzi speċjalment, meta jkun wasal biex ġismu jitqiegħed fil-qabar. Bħal David jgħid, “Ġismi jistrieħ fit-tama.”

Mela qalb mondana, iffissata fuq ħwejjeġ trasjenti, ma tabbinax tajjeb ma’ tama smewwitija. Biex it-tama tkun mibnija b’saffejn, qabel xejn il-fidi trid tkun b’saħħitha, mitmugħa bil-Kelma u eżerċitata tajjeb. It-tama ma timradx meta l-fidi, seħbitha, takkumpanjaha. U bil-fidi, is-segwaċi tas-Sid jagħlfu t-tama tagħhom fuq il-karkassi tal-biżgħat maqtula tagħhom. 

Talba: “Mulej Ġesù, int Alla tat-tama tiegħi. Bik inħares lil hinn mill-orizzont, għax tama f’affarijiet viżibbli mhijiex tama. Jekk l-oġġett narah, m’għandix għalfejn nittama għalih. Seddaqni bis-sabar u żommli l-ħarsa tal-fidi tiegħi fuqek, o Blata tas-salvazzjoni tiegħi, kemm għal ruħi kif ukoll għal ġismi. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...