Jingħad li darba waħda ġuvnott mar għand Sokrate, il-filosfu Grieg, biex jgħallmu l-oratorja. Introduċewh miegħu, u baqa’ jredden u jreċpel strappata sħiħa. Sokrate talbu miżata doppja.
“Għaliex se tiċċarġjani żżejjed?” staqsieh mibluh.
It-tutur qallu, “Għax se jkolli ngħallmek żewġ sengħat: waħda kif tagħmel ilsienek bejn snienek, u l-oħra kif tħollu meta meħtieġ.”
Żenone, qabel Sokrate, kien diġà għamel l-osservazzjoni li għandna par widnejn u fomm wieħed, biex inkunu konvinti li jmissna nisimgħu d-doppju ta’ kemm nitkellmu. Għalhekk, qatt mhu għaqli nagħtu libertà ġeneruża lil ilsienna stess, li ma jmurx jaqbadna priġunieri tiegħu. Kelma mhix imlissna għadha tiegħek, bħax-xabla f’għantha; jekk tħalliha titberraħ, sejfek issa qiegħed f’idejn ħaddieħor. Jekk nixtiequ li nkunu magħdudin għorrief, kun għaref biżżejjed hekk li trażżan ilsienek.
Talba: “Ma rridx niżloq f’diskorsi, Mgħallem tiegħi; għinni nżomm għassa ma’ lsieni. Agħmilni konxju ma’ min inkun qed nitkellem, dwar min u dwar xiex nitkellem, b’liema atteġġjament nitkellem, x’inhi l-okkażżjoni li nitkellem fiha, u fejn nitkellem. Ħalli kull kelma mlissna minni tgħin flok ma tfixkel. Ammen.”
Comments