Skip to main content

Il-Wegħda tal-Ħajja

“Hu jqabbad l-anġli jieħdu ħsiebek, biex iħarsuk fi triqatek kollha. Huma jerfgħuk fuq idejhom, li ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla. Int timxi fuq l-iljun u l-lifgħa; ferħ ta’ ljun u serp int tirfes taħt riġlejk. La ħabbni jien neħilsu; naqbeż għalih, la għaraf ismi. Hu jsejjaħli, u jien inwieġbu; inkun miegħu fil-għali; neħilsu u nerfagħlu ġieħu. B’għomor twil nimlieh u nurih is-salvazzoni tiegħi” (Salmi 91:11-16).

Hemm ħajja tripla: il-ħajja naturali, meta nitnisslu f’ġuf ommna, u nibdew l-eżistenza tagħna f’did-dinja; il-ħajja spiritwali, meta nitwieldu mill-Ispirtu t’Alla, u nsibu ruħna fis-saltna ta’ Kristu; u l-ħajja eterna, meta nsibu ruħna fil-Ġenna. Il-ħajja, fl-aqwa sens tagħha, mela, hi eċċellenza miżjuda mal-eżistenza.

Il-ħajja naturali hi tant qasira, illi nikkonfondu nsejħulhiex ħajja qed tmut, jew mewt qed tgħix. Għomor il-bniedem hu biss dell ta’ daħna, ħolma f’illużjoni. Ma jmissniex inkejluh bis-snin, imma kkalkolat bl-azzjoni: wieħed jista’ jmut xiħ ta’ tletin sena, u żagħżugħ ta’ disgħin; wieħed jgħix wara l-mewt, u l-ieħor jintilef qabel ma jmut. Min jgħix ma’, bi u fi Kristu, jgħix darbtejn, avolja jgħaddi ’l hemm qasir il-għomor. Mużiċist mhuwiex rikmandat u mfaħħar għat idoqq fit-tul, imma għax idoqq tajjeb. Bl-istess mod, mhumiex l-għadd ta’ snin, imma t-tjieba fis-snin, illi hija aċċettabbli quddiem l-Omnipotenti. 

Xorta waħda l-wegħda t’Alla tibqa’ intatta, meta jgħidilna illi dawk li jibżgħu minnu u jimxi fi triqatu jkunu mbierka b’għomor twil, avolja ġieli naraw xi wħud minn uliedu li jċedu għall-mewt ħesrem. Għax il-barka mhix sempliċement meta tgħaqqad il-mija, imma b’għomor twil irid jissinifikalna s-simbolu jew l-għelm tal-favur u l-imħabba t’Alla lejna. Jekk mela juri mħabbtu billi jeħodhom barra minn dil-ħajja, aktarx milli jipprolungalhom għomorhom, ikun qed iwettaq il-promessa, mhux jiksirha. 

Meta wieħed iwiegħed wejba raba’ lil xi bidwi Għawdxi, u xħin jiġi għas-si u n-no jagħtih mitt tomna f’Malta, ma jkunx kiser il-wegħda. Hekk Alla, meta jwegħidna ħajja twila, ngħidu aħna mitt sena, imma mbagħad jagħtina eternità fil-Ġenna, ma jkunx kiser il-wegħda. Din komparabbli mal-wegħda tiegħu lil Abram, meta qallu biex jemigra minn pajjiżu, imur fl-art li jurih hu, u jagħtih dik l-istess art. Fir-realtà, ma tahilux litteralment, imma tah id-dinja! Alla qatt mhu midjun magħna; il-ġenerożità tiegħu ma titkejjilx.

Talba: “O Mulej, int taf minn xiex aħna magħmulin; taf illi aħna trab. Id-dgħufija u l-istat miskin tagħna hu ovvju quddiemek. Inroddulek ħajr talli ma twarrabtx minna, iżda kkostitwejtna l-wirt tiegħek, bħala poplu li ngħammru saħansitra fil-preżenza glorjuża tiegħek. O x’wegħda ineffabbli hi din! Biha nibqgħu nħarsu lejk, nistennew sakemm titwettaq kompletament, fuq il-merti ta’ Ibnek, is-Salvatur tagħna.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...