Skip to main content

Alla Fidil

“Hu bi grazzja tal-Mulej li aħna ma ntemmejniex għalkollox, għax il-ħniniet tiegħu ma jonqsu qatt; jiġġeddu kull filgħodu. Kbira l-fedeltà tiegħek! Il-Mulej sehmi, tgħid ruħi; għalhekk nittama fih. Tajjeb il-Mulej għal dawk li jittamaw fih, għar-ruħ li tfittxu. Tajjeb li wieħed jittama u jistenna bil-kwiet is-salvazzjoni tal-Mulej. Tajjeb għal wieħed li jerfa’ l-madmad minn żgħożitu. Ħa joqgħod waħdu u ma jitkellimx xħin il-Mulej jgħabbihulu!” (Lamentazzjonijiet 3:22-28).

Il-fedeltà t’Alla! Hi ogħla mis-sħab, ifnad mill-oċean immens. Il-fidi tagħna tista’ togħtor kultant, u niddiżappuntaw imqar lilna nfusna; iżda l-fedeltà t’Alla ma tfalli qatt. Bħal ħnientu, hi ġdida kull filgħodu. Kbira hi l-fedeltà tiegħu! Għax bħalma Alla fil-bidu m’għażilnix għax kont fl-għoli, hekk issa ma jabbandunax ħidmietu fija għax ninsab fil-baxx. Alla jżomm Kelmtu, iżomm il-patt; mhuwiex bniedem bħalna biex jigdeb, jew instabbli bħalna biex jerġa’ jibdielu. “Alla hu fidil, li bih intom issejjaħtu għax-xirka m’Ibnu Ġesù Kristu.” “Fidil hu dak li sejħilkom, u li wkoll jagħmel dan,” ċoè, iqaddisna għalkollox u jtemm il-kapulavur tal-grazzja tiegħu f’ruħna u ġisimna. 

Il-Mulej ipprojbixxa lill-Iżraeliti milli jinsew x’għamel favorihom, kif emanċipahom mill-jasar ta’ Faragħun, kif ħelishom mill-eżerċtu tiegħu, kif introduċiehom fl-art li wegħidha lil Abram u lil nislu, kif keċċa l-ġnus minnha, kif reġġagħhom lura mill-eżilju – sensiela interminabbli ta’ atti emiena daparti tiegħu, u dan fuq sfond ta’ infedeltà sikwit grassa fost il-Lhud. Kuntrast skonfortabbli tassew! Iżda Alla jridna niftakru illi bħalma kien fidil, hekk iridna niċċelebraw il-fedeltà tiegħu, għax il-fedeltà divina ma tistax tinqaleb f’xi ħaġa oħra. “Dak li beda xogħol tajjeb fina jipperfezzjonah sal-jum ta’ Kristu.”

Alla għandu fih innifsu kull potenza biex jiddefendik, kull dehen biex jidderiġik, kull ħniena biex jaħfirlek, kull grazzja biex jagħni lil ruħek, kull ġustizzja biex ilibbsek biha quddiemu, kull tjieba biex jissupplixxi bżonnijietek, kull kuntentizza biex jinkuruna lil rasek, kull fedeltà biex iżommok fil-familja tiegħu! Taqlax ħarstek minn fuqu! Fih kull suffiċjenza.

Talba: “O Alla, int Alla tiegħi; mas-sebħ infittxek jiena. Ruħi għatxana għalik; ħa nixrob mill-għajn perenni tiegħek! Ħeġġiġni biex nagħrfek aħjar; qarribni lejn qalbek. Biegħed minni kull bruda jew indifferenza għall-ħwejjeġ spiritwali, għax int tissodisfali kull xewqa u kull desiderju. Grazzi għall-bontà tiegħek lejja, bi Kristu Ibnek. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Għajnejja

“Lejk nerfa’ għajnejja, o int li tgħammar fis-smewwiet. Ara, bħalma għajnejn il-qaddejja jħarsu lejn id sidhom, u bħalma għajnejn il-qaddejja jħarsu lejn sidtha, hekk għajnejna jħarsu lejn il-Mulej, Alla tagħna, sakemm ikollu ħniena minna. Ħenn għalina, o Mulej, ħenn għalina, għax aħna mxebbgħin għall-aħħar bit-tgħajjir. Ruħna mxebbgħa żżejjed biż-żebliħ ta’ dawk li huma paxxuti, u bit-tgħajjir tal-imkabbrin” (Salmi 123:1-4).  Huwa adatt li aħna nitolbu għar-rilif mill-istmellija. Sakemm għandna n-nifs, huwa preġju u żina għalina li nfittxu ’l Alla għall-għajnuna u gwida. Evidentement das-salm huwa t-tnegħida ta’ wieħed (ma’ fidili sħabu oħrajn) li jinsab fl-arena, f’sitwazzjoni iebsa, imkeskes minn nies ħżiena u mgħobbi bl-istmellija u d-disgust tagħhom.  Imma Alla, li jippermetti d-dwejjaq jinvistana biex sikwit jgħammar magħna, jista’ jneħħih, isostnina taħtu jew jislet il-ġid minnu. Kif jista’ Alla jwarrab talb bħal dan, kif imlissen hawn? Alla kapaċi u difatti ...

Il-Mogħdrija

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu - tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja” (Kolossin 3:8-12).  Il-beninnità hi l-ispirtu ta’ trattament favorevoli, jew il-prattika kostanti u abitwali ta’ azzjonijiet amikevoli u benevolenti. Hemm żewġ prinċipji ewlenin fil-kostituzzjoni umana, li jwettqu serriegħa bla waqfien għall-predominanza: l-egoiżmu u l-benevolenza, jew il-beninnità. L-egoiżmu jikkonċentra s-sentimenti, ix-xewqat u l-azzjonijiet kollha fuq il-promozzjoni tal-benesseri i...