Skip to main content

Thenna Fit-Taħbit Tiegħek

“Ara, x’rajt: ħaġa tajba u xierqa li wieħed jiekol u jixrob, u jithenna fit-taħbit tiegħu kollu, u jitħabat taħt ix-xemx, matul il-ftit jiem ta’ ħajtu, li tah Alla, għax dan hu sehmu. Barra minn dan, bħalma ta Alla lil kull bniedem għana u teżori, hekk ukoll tah is-setgħa li jiekol minnhom u jieħu sehmu, u jifraħ fit-taħbit tiegħu. Dan ukoll għotja t’Alla. Għax raġel bħal dan ma jkollux għalfejn jaħseb wisq f’jiem ħajtu, għax Alla jagħtih ferħ f’qalbu” (Ekkleżjażti 5:18-20).

Ħadd minna ma jista’ jaffordja jintelaq fil-ġenb. Il-mod kif ma tkun xejn hu billi ma tagħmel xejn. L-għażż hu biss ir-refuġju ta’ mħuħ debboli. Min jaħdem jikkommetti l-iżbalji, ovvjament, imma min jibqa’ b’idejh fuq żaqqu jagħmel żball wieħed gravissmu, għax idejn passivi huma għodda għax-xitan, u ma jdumx ma jsibilhom xi jħawdu, mentri moħħ letarġiku jikrih bħala laboratorju. 

Ieqaf biex tieħu n-nifs, imbagħad issokta minnufih, li ma jmurx jimpjegak mod ieħor. Kif jgħidu, ix-xitan iġarrab lil kulħadd, imma l-għażżien iġarrab lix-xitan. Għax fejn tħannex l-inattività, meta suppost tiddomina l-attività, il-vizzji kollha jikkonfoffaw biex iwaqqfu għamarthom hemm. 

Sempliċi: min ma jagħmel xejn jitgħallem jagħmel il-ħażen. L-għażżien mingħalih qed jippriżerva l-enerġija tiegħu, u jipproteġi saħħtu, imma m’hawn xejn li jxejjaħ aktar mil-lassitudni u l-indolenza. Bħas-sadid, jikkonsma aktar bil-ħeffa milli bl-użu. 

Hekk jew hekk, l-għażż jivvjaġġa kajman wisq, u allura l-faqar faċilment jilħqu. Għax min ma jridx jishar fis-sħana jkollu jġuħ fir-reżħa; u meta jsib lilu nnifsu ħafi jkollu jrodd ħajr lilu nnifsu biss. Irġulija għażżiena timplika xjuħija msallba, għax bħalma żiemel li ma jridx ixidd kappestru ma jirċievi ebda xgħir, x’tippretendi aħjar int?

Billi tinvolvi ruħek f’xi ħaġa ma jfissirx li sirt bieżel. L-għażżien mhuwiex biss dak li mhu jagħmel xejn, imma dak li jista’ jkun impjegat aktar utli u produttiv u frattant jibqa’ fejn hu. Ħa nżommu quddiem għajnejna, mela, il-fatt li taħt ix-xemx ingħatalna s-sehem biex inwettquh, b’impenn u dinamiżmu. Il-ħajja jum qsajjar, imma xorta waħda hu jum ta’ ħidma. Kwalunkwe professjoni jew impjieg jista’, iva, iwassal għall-ħażen, jekk ikun abbużat; imma x-xaħxieħ fuq mitraħ il-għażż ma jirriżulta f’xejn tajjeb. 

Talba: “Missier, int għoġbok timpjegana fl-għalqa tad-dwieli tiegħek, u wegħidtna kumpens xieraq. Dan ngħodduh bħala unur, u allura nitolbuk sabiex ma nintelqux fil-ġenb, iżda nirsistu ħalli nkunu produttivi waqt li għadu jissejjaħ il-jum. Nixtiequ nagħtuk il-massimu tagħna; qanqalna u qawwina biex l-għan tagħna jseħħ. F’isem Ibnek Ġesù. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Is-Solitudni

“Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: waqt biex titwieled u waqt biex tmut; waqt li tħawwel u waqt li taqla’ l-imħawwel; waqt li toqtol u waqt li tfejjaq; waqt li tibki u waqt li tidħaq; waqt li tagħmel il-vistu u waqt li tiżfen; waqt li tarmi l-ġebel u waqt li tgeddes il-ġebel; waqt li titgħannaq u waqt li titbiegħed mit-tgħanniq; waqt li tfittex u waqt li titlef; waqt li terfa’ u waqt li tarmi; waqt li tqatta’ u waqt li tħit; waqt li tiskot u waqt li titkellem; waqt li tħobb u waqt li tobgħod; waqt ta’ gwerra u waqt ta’ sliem” (Ekkleżjażti 3:1-8). Is-solitudni, bħal-lupi bir-ragħwa f’ħalqu, tissajja fid-dellijiet tal-avversità, lesta biex taqbeż fuqi. Jgħidu fjakkola mkebbsa tgerrex lil-lupu u ma jersaqx lejk. Jheddek, imma jibqa’ distakkat. Il-fjakkola hi biss il-komunjoni li nista’ mmantni kostantement, bla interruzzjoni, mal-Missier. Imma rrid inżommha f’idi, mhux nitlaqa’ quddiem l-għarix. U nieħu ħsiebha, mhux nittraskuraha.  Inġerragħ is...