Skip to main content

Tbatija bit-Tama

“L-Ispirtu nnifsu jixhed flimkien mal-ispirtu tagħna illi aħna tfal t’Alla, u jekk tfal, allura werrieta wkoll – werrieta t’Alla, u werrieta flimkien ma’ Kristu, imbasta nbatu miegħu sabiex inkunu glorifikati wkoll miegħu. Nikkonsidra illi s-sofferenzi taż-żmien preżenti mhumiex denji jkunu pparagunati mal-glorja li dalwaqt se tkun irrivelata lilna” (Rumani 8:16-18).

Bħala dixxipli ta’ Ġesù nissejħu qaddejja, anzi lsiera, biex hekk niftakru li jmissna nobdu. “Meta tagħmlu kulma jordnawlkom, għidu, ‘Ilsiera bla fejda aħna; għamilna biss dak li konna obbligati nagħmlu’” (Luqa 17:10). 

Magħrufa wkoll bħala suldati, biex inwaħħluha f’rasna li fl-esperjenza tagħna se niltaqgħu ma’ saram u sofferenzi. “Sofri t-tbatija miegħi bħala suldat tajjeb ta’ Kristu Ġesù” (2 Timotju 2:3). Irridu nissalvagwardjaw irwieħna illi ma nbatux minħabba d-dnub, u lanqas nidinbu fit-tbatijiet. Hekk jew hekk, it-tbatijiet tagħna huma skaldi mis-salib, mhux għax bihom inpattu għal dnubietna – dawn diġà Kristu patta għalihom kompletament – iżda għax permezz tat-tbatijiet tinġabar il-knisja, li hi l-frott tat-tbatijiet ta’ Bin Alla. “Issa nifraħ fit-tbatijiet tiegħi għalihom,” jgħid l-appostlu, “u nimla f’ġismi dak li jonqos lit-tbatijiet ta’ Kristu għal ġismu, li hu l-knisja, li jien sirt ministru tagħha” (Kolossin 1:24-25). 

Bħalma Kristu l-ewwel bata mbagħad daħal fil-glorja tiegħu, hekk ukoll aħna l-membri tiegħu. Difatti tbatijietna huma l-iqsar triq għall-Ġenna – mhux għax huma meritevoli, iżda għax iġibuna nixbhu ’ll-Imgħallem tagħna. L-ambizzjoni ta’ Pawlu kienet illi jagħraf aktar profondament lil Ġesù, jesperjenza s-setgħa tal-irxoxt tiegħu, jissieħeb fil-komunjoni santifikanti tat-tbatijiet tiegħu, u jsir konformat miegħu fil-mewta tiegħu (Filippin 3:10). 

Mela l-atteġġjament tagħna jmissu jkun imsawwar fuq dal-binarju: nibżgħu mid-dnub bla ma nindiehxu mit-tbatijiet. Bħalma l-ikbar ġid jiġina mis-sofferenzi ta’ Kristu, hekk l-ikbar glorja li Alla għandu għall-qaddisin tiegħu jwassalhielna permezz tas-sofferenzi maħturin għalina, għax “b’ħafna tribulazzjonijiet jeħtiġilna nidħlu f’saltnet Alla” (Atti 14:22).

Kif nilqgħu u x’nagħmlu bi tbatijietna hu argument potenti favur il-grazzja t’Alla fina. Il-vanġelu, fir-realtà, hu vantaġġjat aktar mis-sofferenzi qaddisa u umli ta’ dixxiplu wieħed, sempliċement minħabba l-Kelma tal-ġustizzja, milli bl-apoloġetika kumplikata mħaddma kontra l-eretiċi u l-apostati. 

Talba: “Mulej, int ma ħbejtilniex il-fatt illi bħala eredi tas-saltna eterna tiegħek hu maqtugħ għalina illi nkunu afflitti u ssikkati b’diversi tipi ta’ saram. Agħtina s-sottomissjoni meħtieġa sabiex tkompli ssawwarna fuq ix-xbieha tiegħek, u magħha agħtina l-għerf biex nagħrfu li mogħdijietek huma l-aħjar.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

O Alla, Inqimek u Nadurak

“Għaldaqstant, neħħu kull ħmieġ morali u ħażen tant prevalenti, u bil-manswetudini ilqgħu l-kelma mħawla fikom, li kapaċi ssalva erwieħkom. Imma siru għammiela tal-kelma, u mhux sempliċement semmiegħa, altrimenti tilludu lilkom infuskom. Għax jekk xi ħadd hu semmiegħ tal-kelma u mhux għammiel, dan donnu raġel li jikkonsidra l-wiċċ naturali tiegħu f’mera: appena ħares lejh innifsu, telaq, u malajr nesa liema speċi ta’ persuna kien. Imma min jittawwal b’attenzjoni fil-liġi perfetta, il-liġi tal-libertà, u jkompli fiha, mhux isir semmiegħ li jinsa iżda jpoġġiha fil-prattika, dan se jkun imbierek f’għemilu” (Ġakbu 1:21-25). Prijorità numru wieħed: nitgħallem insir qejjiem. “Adoro Te.” Hi ċentrali, u kollox suppost jirrivolvi magħha, bħalma l-pjaneti jduru max-xemx. Attwalment mhuwiex hekk. Għad hemm x’wieħed jaqdef. Sakemm nibqgħu naduraw xogħolna b’tant impenn, u naħdmu b’tant serjetà fil-logħob tagħna, il-probabbiltà tkun li nibqgħu nilagħbu fil-qima tagħna. Frattant Alla Tr...