Skip to main content

Tajjeb il-Melħ

“Wara li f’okkażżjoni minnhom inġema’ magħhom, ordnalhom biex ma jitilqux minn Ġerusalemm, iżda jistennew il-wegħda tal-Missier ‘li smajtu mingħandi,’ qalilhom, ‘għax Ġwanni għammed bl-ilma, imma intom se titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu wara daqsxejn jiem oħra.’ Għalhekk meta dawn inġabru flimkien staqsewh, ‘Ja Sid, f’daż-żmien se tirrestawra s-saltna lil Iżrael?’ Weġibhom, ‘Mhux għalikom biex tkunu tafu ż-żminijiet jew l-istaġuni illi l-Missier iffissa bl-awtorità tiegħu stess. Iżda intom se tirċievu s-setgħa meta jiġi l-Ispirtu s-Santu fuqkom, u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, u fil-Ġudea kollha u s-Samarija, u saħansitra sa truf l-art’” (Atti 1:4-8). 

Id-dixxipli ta’ Ġesù oriġinarjament għammru f’rokna remota tal-Imperu Ruman. La kellhom prestiġju u lanqas pożizzjoni soċjali, la kellhom flus u lanqas riżorsi, la kellhom poter u lanqas influwenza, u qajla kellhom edukazzjoni formali. Konsegwentement, mill-punto di vista umana, iċ-ċans illi jibqgħu bla ma jisfaw estinti kien żgħir wisq. Agħar minn hekk, l-idea illi setgħu jwasslu l-bxara tal-fidwa u jsalvaw iċ-ċiviltà mill-ħażen kienet ovvjament fantastika. 

Minkejja dawn il-konsiderazzjonijiet, Ġesù għamel it-tbassira tremenda tiegħu. Iddikjara illi s-segwaċi tiegħu kellhom iservu ta’ dawl u melħ għad-dinja (Mattew 5:13-14). Kważi kulma jiddependu fuqu l-bnedmin jitħassar. L-Imperu Ruman ġie fi tmiemu. L-Akkademja ta’ Platun ingħalqet. Il-librerija kbira f’Lixandra finalment sfat maħruqa. Il-leġjuni sfaw sparpaljati. L-iskejjel tal-Istojċi u l-Epikurej sfumaw fix-xejn. 

Biss is-soċjetà ridentiva mwaqqfa minn Kristu bħala l-priżervattiv divin baqgħet. Niżżlet l-ankri fid-dinja Griega u Rumana. Ippenetrat sa fil-palazz ta’ Ċesri. Ġarret il-bnedmin miż-Żminijiet Mudlama. Issopraviviet ir-Rinaxximent; tqawwiet bir-Riforma Protestanta; laqgħet l-isfida tal-Illuminiżmu, u ssedqet minkejja r-Rivoluzzjoni Industrijali, bħalma issa għaddejja b’qalbha tħabbat mir-Rivoluzzjoni Atomika. 

Id-dixxipli tferrxu u laħqu ma’ kull ġens f’kull kontinent. Il-preżenza tal-Kristjani, kemm qrib kif ukoll bogħod minn fejn saret il-pronunzja oriġinali, hi evidenza illi t-tbassira hi waħda korretta. Timlina bil-kuraġġ u faraġ. Ġara l-inkredibbli. 

Talba: “Twajjeb Ġesù, ħallini narak illum u kuljum fil-persuna tal-marid u d-dgħajjef u l-minsi, għax int tfakkarni illi kulma nagħmel mal-iżgħar fost ħutek qisni nagħmlu miegħek. Int tħobb tinħbieli wara nies irritabbli, nies jiddomandaw il-ħin kollu, nies fitti u anke ingrati. O li nagħrfek fihom u ngħid, ‘Kemm hi ħaġa ħelwa nservik hekk!’ Agħtini fidi li biha nara ħalli ħidmieti ma tkun qatt monotona. Agħtini l-ferħ jien u nservi u nissodisfa x-xewqat ta’ ħaddieħor. Għallimni ngħodd dan bħala privileġġ, ħa nkun il-melħ u d-dawl għan-nies madwari. Agħtini apprezzament għad-dinjità tal-vokazzjoni għolja tiegħi. Tħallini qatt inċedi għall-indifferenza, jew nuqqas ta’ sabar, jew nuqqas ta’ beninnità. Kabbarli l-fidi fik, bierek l-isforzi tiegħi, issa u fil-futur. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Il-Mogħdrija

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu - tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja” (Kolossin 3:8-12).  Il-beninnità hi l-ispirtu ta’ trattament favorevoli, jew il-prattika kostanti u abitwali ta’ azzjonijiet amikevoli u benevolenti. Hemm żewġ prinċipji ewlenin fil-kostituzzjoni umana, li jwettqu serriegħa bla waqfien għall-predominanza: l-egoiżmu u l-benevolenza, jew il-beninnità. L-egoiżmu jikkonċentra s-sentimenti, ix-xewqat u l-azzjonijiet kollha fuq il-promozzjoni tal-benesseri i...

Diskors Bid-Dehen

“La taħsibx kif tagħmel il-ħsara lil għajrek huwa u qiegħed jgħammar bla biża’ miegħek. La tiġġieled ma’ ħadd għalxejn, jekk ma għamillek l-ebda deni. Ħu offiż hu aktar iebes biex jintrebaħ minn belt qawwija, u l-ġlied bejn l-aħwa qisu staneg ta’ kastell. Aħjar tgħammar f’rokna ta’ setaħ milli ma’ mara ġellieda f’dar kbira.” (Proverbji 3:29-30; 18:19; 25:24).  Matul l-Assedju l-Kbir fl-1565, il-qawwiet Ottomani tħabtu u ssieltu biex jirbħu lil pajjiżna taħt idejhom. Għalkemm kienu ferm aktar numerużi minna, it-Torok iġġieldu għalxejn għal erba’ xhur sħaħ. Il-bliet Maltin, fortifikati bis-swar u balwardi godlija, kienu virtwalment inespjunabbli. Hekk ukoll hu diffiċli tirbaħ lura l-ħbiberija ta’ ħu offiż. Anzi, dal-proverbju jwissina li hu aktar diffiċli tirbaħ lura lil ħuk milli tegħleb belt qawwija. Ma naħsibx li dan inkiteb biex naqtgħu qalbna milli nfittxu rikonċiljazzjoni f’waqtha. Jekk wieħed jistaqsi, x’inhi r-rikonċiljazzjoni? Hi t-tieni ħbiberija. Dan jibqa’ dmir...