Skip to main content

Sabiħ is-Sabar

“Jien mela, il-priġunier għas-Sid, neżortakom ħalli timxu denjament tas-sejħa li biha kontu msejħin, b’kull umiltà u manswetudini, bil-paċenzja, tissaportu ’l xulxin fl-imħabba, tħabirku ħalli tippriżervaw l-unità tal-Ispirtu fir-rabta tas-sliem” (Efesin 4:1-3).

Fil-programm etiku mfassal għal ulied Alla, Pawlu minn kmieni jintroduċi sabar, jew paċenzja, bħala ingredjent essenzjali u sabiħ. Bih imissna niżżejnu bla dewmien.

X’inhu s-sabar? L-Isqof Horne joffrielna did-deskrizzjoni. “Is-sabar hu l-gwardjan tal-fidi, il-priżervatur tas-sliem, il-ħabbej tal-imħabba, l-għalliem tal-umiltà. Is-sabar jiggverna l-karnalità, isaħħaħ l-ispirtu, jagħmel ħelwa t-tempra, jifga l-korla, jitfi l-ġelożija, jgħakkes il-kburija. 

“Is-sabar isarram l-ilsien, jirrestrinġi l-id, u jgħaffeġ fuq it-tentazzjonijiet. Jissaporti l-persekuzzjonijiet u jikkonsma ruħu fil-martirju. 

“Is-sabar jipproduċi l-unità fil-knisja, il-lealtà fl-istat u l-armonija fil-familji u s-soċjetajiet. Jikkonforta l-fqajrin u jimmodera s-sinjuri. Jagħmilna umli fil-prosperità, feliċi fl-avversità, stabbli kontra l-kalunnji u l-għajb. Is-sabar jgħallimna naħfru lil kull min iweġġagħna, u nkunu l-ewwel nies biex nitolbu maħfra lil dawk li offendejna.

“Is-sabar jgħaxxaq lill-fidili u jistieden lill-miskredenti. Iżejjen lill-mara u japprova lir-raġel. Hu sabiħ fil-maskil u l-femminil, u f’kull età. Ara l-bixra u l-ilbies tiegħu! Wiċċu kalm u seren bħal wiċċ is-sema bla makkja tal-iċken ħajbura. Ebda tikmixa ta’ għali jew għadab ma titfaċċa fuq ġbinu. Għajnejh qishom għajnejn il-ħamiem għall-manswetudni tagħhom; fuq ħuġbejh tara l-hena u l-feliċità. Fommu attraenti fis-skiet; il-karnaġġjon u lewnu huma mdakkra mill-innoċenza u s-sigurtà. Hu mixdud bi lbies il-martri; f’idu jżomm xettru f’għamla ta’ salib. Ma jirkibx fil-belliegħa u t-tempesti feroċi tal-passjoni, imma t-tron tiegħu jinstab f’qalb umli u niedma, u saltnatu hi saltna sielma.”

Talba: “Missier omnipotenti, int paċenzjuż, tissaportina u ddum biex tagħdab. Ħa nkunu nixbhuk! Żejjinna bis-sabar ħalli jkollna l-potenzjal inwettqu l-ikbar proġetti u naraw il-wetqa ta’ pjanijiet fenomenali. Bih nibdew bis-sospiri iżda nispiċċaw bi tbissima. Seddaqna bil-grazzja biex la nogħtru u lanqas naqtgħu jiesna f’wiċċ it-tiġrib. Għall-ġieħ ta’ Ibnek, u f’ismu, nitolbuh dan. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

O Alla, Inqimek u Nadurak

“Għaldaqstant, neħħu kull ħmieġ morali u ħażen tant prevalenti, u bil-manswetudini ilqgħu l-kelma mħawla fikom, li kapaċi ssalva erwieħkom. Imma siru għammiela tal-kelma, u mhux sempliċement semmiegħa, altrimenti tilludu lilkom infuskom. Għax jekk xi ħadd hu semmiegħ tal-kelma u mhux għammiel, dan donnu raġel li jikkonsidra l-wiċċ naturali tiegħu f’mera: appena ħares lejh innifsu, telaq, u malajr nesa liema speċi ta’ persuna kien. Imma min jittawwal b’attenzjoni fil-liġi perfetta, il-liġi tal-libertà, u jkompli fiha, mhux isir semmiegħ li jinsa iżda jpoġġiha fil-prattika, dan se jkun imbierek f’għemilu” (Ġakbu 1:21-25). Prijorità numru wieħed: nitgħallem insir qejjiem. “Adoro Te.” Hi ċentrali, u kollox suppost jirrivolvi magħha, bħalma l-pjaneti jduru max-xemx. Attwalment mhuwiex hekk. Għad hemm x’wieħed jaqdef. Sakemm nibqgħu naduraw xogħolna b’tant impenn, u naħdmu b’tant serjetà fil-logħob tagħna, il-probabbiltà tkun li nibqgħu nilagħbu fil-qima tagħna. Frattant Alla Tr...