Skip to main content

Nitlob u Nistenna

“Imbagħad Ġesù qalilhom parabbola ħalli jurihom illi huma dejjem jeħtieġ jitolbu u ma jintelqux. Qal: ‘Kien hemm wieħed imħallef f’ċerta belt li la kien jibża’ minn Alla u lanqas jirrispetta lill-bniedem. U kien hemm armla f’dik il-belt li baqgħet tiġi għandu u tgħidlu, “Agħmilli ħaqq mill-avversarju tiegħi.” Għal xi żmien irrifjuta, imma finalment qal fih innifsu, “Għalkemm la nibża’ minn Alla u lanqas nirrispetta lill-bniedem, madankollu, minħabba li din l-armla qed tissokta tħabbatni, se jkolli nagħmlilha ġustizzja, ħalli ma tibqax tiġi kontinwament u tispiċċa biex teżawrini.”’ U s-Sid qal, ‘Isimgħu x’jgħid l-imħallef inġust. U ewwilla Alla mhux se jagħmel ġustizzja għall-magħżulin tiegħu, li jgħajtulu nhar u lejl? Se joqgħod itawwalha magħhom? Ngħidilkom, se jara li jiksbu ġustizzja, u fil-pront. Madankollu, meta jiġi Bin il-Bniedem, se jsib fidi fuq l-art?’” (Luqa 18:1-8).

It-talb fih privileġġi. Ruħ mixħuta quddiem it-tron tal-grazzja qatt ma tista’ tkun miżerabbli ħafna, avolja abbli tinsab f’kondizzjoni mwiegħra, għax jekk tersaq b’fidi sinċiera diġà rebħet widnet il-Mulej. Għandha l-Ispirtu f’unjoni mistika magħha hekk illi jgħallimha tressaq it-tnegħid tagħha. Għandha Ħabib Paraklitu fis-smewwiet biex jidher għaliha, u lill-Missier innifsu biex jilqa’ xewqatha bla ma jlum. It-talb, fih innifsu, hu ħniena, avolja qatt ma nirċievi l-ħniena rikjesta, għax sikwit Alla jbusna fil-bidu tat-talb, jippronunzja s-sliem tiegħu matul il-ħin tat-talb, u jimlina bil-ferħ u l-assigurazzjoni fi tmiem it-talb! 

Aktar ma nipprogressaw fil-mixja evanġelika, aktar ma joktru l-grazzji u l-barkiet t’Alla fuqna, bil-wisq aktar neħtieġu illi ninħbew fih bit-talb, bħala t-torri setgħan u t-tarka tagħna, għax Satana jitbeżżel kontrina. Dawk li qabdu t-triq tal-maturità iridu joqogħdu attenti li ma jitneffħux bi qdusija taparsi.

Inqisu wkoll illi ma nimminimizzawx it-talb komunitarju. Hemm prevalenza meraviljuża fit-talb unit ta’ niesu. Meta Pietru safa maqful il-ħabs bla tort xejn, il-knisja m’għamlet ebda protesta pubblika, ebda marċ, ebda appell il-qorti, ebda plejtu, ebda petizzjoni ffirmata mill-eluf. Aktarx, l-aħwa ltaqgħu u talbu lil Alla smewwieti, u meta kollox deher bla tama, intbagħat anġlu bit-tama u ħelsien. Hemm wegħda speċjali annessa mat-talb pubbliku. “Fejn tnejn jew tlieta jiltaqgħu flimkien f’ismi,” jgħid Ġesù, “hemm inkun jien f’nofshom.” Strettament kien qed jirreferi għal każijiet ta’ dixxiplina fil-knisja, iżda l-wegħda hi wiesa’ biżżejjed biex tinkludi attivitajiet oħra għall-unur tiegħu. 

Id-dewmien fit-twettiq tal-petizzjonjiet tagħna m’għandux jiskuraġġina jew jaqtagħlna qalbna; wisq inqas għandu jħajjarna nikkonkludu li t-talb hu biss eżerċizzju psikoloġiku. Alla jittratta magħna bħala wliedu, u jrid jgħallimna s-sabar u l-perseveranza. L-armla baqgħet tiffitta lill-imħallef inġust sakemm għamlilha ħaqq fil-kawża tagħha. Jekk imħallef tad-demm u l-laħam bħalna hu kajman u bla interess, iżda jaġixxi biex ma jisfax mifni bit-tostaġni u l-imprudenza tal-atturi, kemm aktar Missierna!

Talba: “Inbierkek f’kull żmien, o Mulej; jien provajtek u rajt kemm int tassew twajjeb. It-tifħir tiegħek ikun dejjem fuq fommi. Ruħ tiftaħar bik; inxandar il-kobor tiegħek u ngħolli ismek ma’ ħuti kollha u mal-ħolqien kollu. Inroddlok ħajr talli tismagħni u teħlisni mill-biża’ u l-ansjetà. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...