Skip to main content

Mogħtija Sinifikat

“Infatti, waqt li konna għadna dgħajfin, Kristu fi żmien proprju miet għall-empji. Rarissmu xi ħadd jasal biex imut għal bniedem ġust, madankollu għal bniedem tajjeb xi ħadd forsi jissogra saħansitra jmut. Imma Alla jesibixxi l-imħabba tiegħu nnifsu lejna, billi filwaqt li konna għadna midinbin, Kristu miet għalina. Mela, billi issa ninsabu ġustifikati b’demmu, bil-wisq iżjed se nkunu salvati mir-rabja t’Alla permezz tiegħu! Għax jekk, filwaqt li konna għadna għedewwa, konna rrikonċiljati m’Alla permezz tal-mewt t’Ibnu, bil-wisq iżjed, billi issa ninsabu rrikonċiljati, se nkunu salvati b’ħajtu! Mhux hekk biss, iżda wkoll neżultaw f’Alla permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu, li permezz tiegħu issa rċevejna r-rikonċiljazzjoni” (Rumani 5:6-11).

Ħafna nies, speċjalment b’miżura ta’ edukazzjoni, iħossuhom mitlufa fl-immensità tal-univers, meta jafu l-kobor tal-galassji bi xmux innumerabbli fihom. Iħossuhom fraka. Ilkoll għaxtana għall-imħabba, u lkoll iħossu kemm hu importanti illi jkunu sinifikanti għal xi wħud oħra, almenu. 

Frattant, mal-għerq ta’ bosta ħajjiet, hemm assenza virtwali ta’ kull sinifikat. Iż-żgħażagħ tagħna, partikolarment, li fiż-żminijiet moderni għandhom tieqa miftuħa faċilment għall-bqija tad-dinja, jistgħu jiftaħru li għandhom kollox – ħlief raġuni sodisfaċenti għall-ħajja.

Hawnhekk l-osservazzjoni tal-filosfu atew, Jean-Paul Sartre, tesprimi dal-punt b’forza: “Hawn aħna, ilkoll kemm aħna, nieklu u nixorbu biex nippriżervaw l-eżistenza prezzjuża tagħna – u frattant m’hemm xejn, xejn, assolutament ebda raġuni għala neżistu.” Nistgħu saħansitra nagħtu isem għal das-sentiment ta’ nuqqas ta’ sinifikat – nistgħu nirreferu għalih bħala “vakwu eżistenzjali.” B’daqshekk ma solvejniex il-problema; inkunu qed nagħrfuha biss. Xorta waħda nħossuna solitari u mitlufa, f’univers hekk vast illi jhedded jiblagħna. 

Dan is-sentiment ta’ nuqqas ta’ sinifikat hu trasformat bid-dikjarazzjoni xokkanti illi Alla – l-istess Alla li ħalaq iż-żmien, il-materja u l-ispazju – iħobbna. L-imħabba tagħti tifsira għall-ħajja. Il-persuna maħbuba ssir speċjali għal xi ħadd, tassumi sinifikat illi altrimenti ma jkollhiex. Il-Kristjaneżmu jagħmel asserzjoni li kull semmiegħ messu jitbellah biha: Alla hu profondament interessat fina u kkonċernat għalina. Din id-dikjarazzjoni ssib il-prova sostanzjali u inkonfutabbli tagħha fil-ħajja, il-mewt u r-resurrezzjoni ta’ Ġesù Kristu. 

Għal Alla nfissru xi ħaġa: Kristu miet għalina. Bil-fidwa tiegħu aħna speċjali f’għajnejn Alla. Kristu ġie biex iġibna lura mill-art imbiegħda, fejn aħna l-ħaljin u vili konna qed ninfnew bil-ġuħ. Ġie biex ireġġagħna lura għand il-Missier, li jħobbna u jistenna bil-ħerqa l-indiema tagħna. 

F’nofs univers immens u intimidanti, aħna mogħtija sinifikat u tifsira bir-realizzazzjoni illi Alla li ġab id-dinja fl-eżistenza, li ħalaqna fuq ix-xbieha tiegħu, ukoll iħobbna u jimportah minna. F’Ibnu bagħat salvataġġ. B’salibu ta prova tal-perfezzjoni tal-imħabba divina lejn dinja stupidita u ma temminx.

Talba: “Missier tal-verità, neħħi minna s-sofistikazzjoni ta’ żmienna u x-xettiċiżmu li ġie fuqna, bħall-ġlata, biex jherri l-fidi tagħna u jdgħajjifha. Ġibna lura għal dik il-fidi evanġelika li tagħmilna kbar u qawwija quddiemek, fidi li timmotivana biex inħobbuk u ngħixu quddiemek, fidi li biha ngawdu t-trijonf ta’ Ibnek irxoxtat, fidi li biha nimxu pass pass fil-preżenza tiegħek. Grazzi immensament talli tajtna sinifikat, wieħed u sodisfaċenti. Nitolbuk treġġagħna lura għal dik il-fidi sempliċi, bħal tat-tfal, fidi f’Alla omnipotenti u sovran, biex int waħdek tkun imsebbaħ.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Is-Sunnara Mistura

“Tkunux idolatri, bħal xi wħud minnhom; bħalma hu miktub: ‘In-nies poġġew jieklu u jixorbu, u qamu jilagħbu.’ M’għandniex niffornikaw, bħalma xi wħud minnhom iffornikaw, u mietu tlieta u għoxrin elf f’jum wieħed. M’għandniex inġarrbu lis-Sid, bħalma xi wħud minnhom ġarrbuh, u kienu meqrudin mis-serpenti; lanqas tgemgmu, kif xi wħud minnhom gemgmu, u kienu meqrudin mill-anġlu qerried. Issa dawn il-ħwejjeġ ġraw lil dawk in-nies bħala eżempji, u nkitbu bħala ammoniment għalina, li fuqna wasal it-twettiq taż-żminijiet. Għalhekk min jidhirlu li jinsab wieqaf fis-sod għandu joqgħod attent li ma jaqax! Ebda tiġrib ma qabadkom ħlief dak li hu komuni għall-umanità. Però Alla hu fidil, u mhux se jħallikom tkunu mġarrbin lil hinn milli kapaċi tifilħu, iżda mat-tiġrib jipprovdi l-ħruġ ukoll, ħalli tkunu tistgħu tissaportuh” (1 Korintin 10:6-13). It-tiġrib jippreżenta ruħu attraenti; iwiegħed il-kuntentizza, almenu kuntentizza temporanja. Imma qatt ma jiġi b’idejh vojta – joffrili s-sodisfa...

Is-Solitudni

“Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: waqt biex titwieled u waqt biex tmut; waqt li tħawwel u waqt li taqla’ l-imħawwel; waqt li toqtol u waqt li tfejjaq; waqt li tibki u waqt li tidħaq; waqt li tagħmel il-vistu u waqt li tiżfen; waqt li tarmi l-ġebel u waqt li tgeddes il-ġebel; waqt li titgħannaq u waqt li titbiegħed mit-tgħanniq; waqt li tfittex u waqt li titlef; waqt li terfa’ u waqt li tarmi; waqt li tqatta’ u waqt li tħit; waqt li tiskot u waqt li titkellem; waqt li tħobb u waqt li tobgħod; waqt ta’ gwerra u waqt ta’ sliem” (Ekkleżjażti 3:1-8). Is-solitudni, bħal-lupi bir-ragħwa f’ħalqu, tissajja fid-dellijiet tal-avversità, lesta biex taqbeż fuqi. Jgħidu fjakkola mkebbsa tgerrex lil-lupu u ma jersaqx lejk. Jheddek, imma jibqa’ distakkat. Il-fjakkola hi biss il-komunjoni li nista’ mmantni kostantement, bla interruzzjoni, mal-Missier. Imma rrid inżommha f’idi, mhux nitlaqa’ quddiem l-għarix. U nieħu ħsiebha, mhux nittraskuraha.  Inġerragħ is...