Skip to main content

Lura Mill-Jasar

“U jiġri, wara li dawn il-ħwejjeġ kollha jiġu fuqek, il-barka u s-saħta, li jien qegħidtlek quddiemek, u tiftakarhom fost il-ġnus kollha, fejn il-Mulej, Alla tiegħek, ikun tarrfek. U terġa’ lura għand il-Mulej, Alla tiegħek, u tobdi leħnu, int u wliedek, b’qalbek kollha, u b’ruħek kollha, skont kulma qiegħed nikkmandak illum, illi mbagħad il-Mulej, Alla tiegħek, iġibek lura mill-jasar, u jkollu ħniena minnek, u jerġa’ jiġimgħek minn fost il-ġnus kollha, li fosthom il-Mulej, Alla tiegħek, ikun xerrdek” (Dewteronomju 30:1-3).

Il-poplu t’Alla jista’ jbiegħ lilu nnifsu fil-jasar minħabba dnubu stess. Ħasra li jkollhom jieklu l-frott morr, u jitfixklu f’għerq hekk qares. Xi skjavitù huwa dan meta wlied Alla jinbiegħu taħt il-madmad tal-ħażen u d-diżubbidjenza, jinżammu bil-ktajjen minn Satana, jiċċaħdu mil-libertà, jinsterqu mill-qawwa fit-talb, u jitilfu l-għaxqa tagħhom fil-Mulej! Lott hekk ġralu meta nfired minn ma’ żijuh Abraħam u mar joqgħod f’Sodoma, fejn ruħu tnikktet bil-perversità tal-abitanti t’hemm, iżda qajla għadda testimonjanza tajba fosthom. Meta wissiehom illi Alla kien wasal biex jeqridhom, ħasbuh qed jiċċajta!

Ħa ngħassu li ma mmorrux ninqabdu fit-tali jasar. Għandna biżżejjed nies li forsi anke nafuhom personalment, illi ma tantx żammew fit-triq id-dejqa, kif jirrekjiedi minna l-evanġelju. Jekk diġà ġralna hekk, ma niddisprawx mill-ħniena t’Alla; Missierna jibqa mimli kumpassjoni lejna. Sakemm fadallek in-nifs, qatt mhu tard wisq għall-indiema. 

Ma nistgħux ninżammu fil-jasar għal dejjem. Il-Mulej Ġesù ħallas prezz għoli wisq għall-fidwa tagħna biex imbagħad jerħina f’idejn l-avversarju. Xtrana għalih innifsu; issa jien tiegħu u hu tiegħi. It-triq tal-ħelsien hi din: “Erġgħu lura lejn il-Mulej, Alla tagħkom.” Fejn sibna s-salvazzjoni l-ewwel darba, hemm nerġgħu nsibu t-tgawdija tagħha. 

Is-salib ta’ Kristu jġegħilna nammettu dnubietna u hekk insibu maħfra u ħelsien. Barra minn hekk, il-Mulej iridna nobdu leħnu skont dak kollu li kmandana, u jeħtieġ nagħmlu dan b’qalbna kollha u b’ruħna kollha. Imbagħad jintemm il-jasar tagħna. F’ubbidjenza stretta għal Sidna ngawdu l-libertà tagħna. 

Malli narmu l-idoli tagħna u mmilu f’ubbidjenza quddiem Alla l-ħaj, titneħħa minn fuqna d-dipressjoni tal-ispirtu u l-miżerja kbira ta’ ruħna. M’aħniex imsejħa biex nibqgħu lsiera għall-ideat tad-dinja, għall-passjonijiet żienja tagħna nfusna jew għal Satana. 

Nistgħu nirritornaw mill-iktar fis possibbli biex minn issa ngawdu u ngħixu dik iċ-ċittadinanza ta’ Ġerusalemm smewwitija. “U dan agħmluh, billi tafu ż-żmien preżenti, illi diġà waslet is-siegħa għalikom biex tkunu mqajmin mill-irqad, għax issa s-salvazzjoni tagħna hija eqreb milli meta emminna fil-bidu. Il-lejl avvanza u l-jum qorob. Ħa narmu mela l-opri tad-dlam u ħa nilbsu l-armi tad-dawl” (Rumani 13:11-12). 

Talba: “Mulej, fi ħnientek u l-fedeltà kbira tiegħek, li biha ma tinsiex il-patt tiegħek magħna, reġġagħna lura mill-jasar! Tħalliniex nużaw il-libertà tagħna bħala skuża biex nitbiegħdu minnek, iżda aktarx żommna taħt il-protezzjoni tiegħek, mgħaxxqin bik u miexja dejjem fi triq il-kmandamenti u l-preċetti tiegħek. Agħmilna għorrief biex nibnu darna fuq il-blat.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...