Skip to main content

Libertà Biex Inservu

“O Mulej, la ċċanfarnix fl-għadab tiegħek, lanqas twiddibni fis-saħna tiegħek. Għax il-vleġeġ tiegħek daħlu fija, u idek tagħfas wisq fuqi. Xejn m’hemm sħiħ f’ġismi minħabba għadbek, lanqas m’hemm ebda mistrieħ għal għadmi minħabba dnubi. Għax il-ħażen tiegħi tela’ ’l fuq minn rasi; bħal tagħbija tqila, tqila wisq għalija. Nitnu l-ġrieħi tiegħi u jdennu minħabba l-bluha tiegħi. Ninsab milwi għalkollox, wiċċi lejn l-art; il-jum kollu mlibbes l-iswed” (Salmi 38:1-6).

Jekk naħsbu b’leġġerezza dwar id-dnub, u ngħoddu l-inikwità bħala ċajta, evidentement inkunu qed nuru li d-dawl tal-evanġelju għadu ma ppenetrax f’ruħna. Għadna ma nafux xi jfissru l-passjoni u l-mewt tas-Salvatur. Għadna maqbudin taħt il-qerq u l-ingann tad-dnub. L-infidili qajla għandhom għali għall-ħażen tagħhom, ħlief meta jinqabdu fix-xbieki tagħhom stess. Biss meta Ġesù hu magħruf fil-qalb, id-dnub imbagħad hu tabilħaqq mistmerr, abbandunat, missielet u megħlub. 

Il-fidil iħoss it-tagħbija tal-ħtija u t-toqol tad-dnub fuq il-kuxjenza tiegħu. Hi agunija insapportabbli. Forsi taħseb li dan hu kontradittorju għad-dikjarazzjoni illi, “Issa m’hemm ebda kundanna għal dawk li huma fi Kristu Ġesù” (Rumani 8:1), jew inkonsistenti mal-isfida trijonfanti, “Min se jġib xi akkuża kontra l-magħżulin t’Alla?” (Rumani 8:33). 

Jeħtieġ nifhmu illi għalkemm l-akkuża u l-kundanna għad-dnub jistgħu jinġiebu minn Satana, ix-xellej, u l-liġi tista’ tikkundanna, u l-ispirtu tagħna jkollu jammetti illi aħna midinbin, frattant Alla tal-patt, il-Feddej tagħna, m’għandu ebda kundanna kontra tagħna. Diġà għabba lil Ibnu Ġesù bid-dnubiet tagħna. Allura wegħidna, “Fi ħtijiethom u fi dnubiethom ma niftakarx iżjed” (Ġeremija 31:34). 

Xi wħud jipprotestaw. Jgħidu, din il-pożizzjoni tħajjar lin-nies ikomplu jidinbu; tneħħi kull sens ta’ ħtija. Din hi kritika serja kontra Alla tal-grazzja u l-imħabba! Min jasal biex jirraġuna hekk? Biss dawk li jiċħdu l-verità divina, u ma jemmnux fl-imħabba dejjiema tiegħu. Jiġġudikaw biss mill-prinċipji korrotti tagħhom infushom. Il-fatt hu illi l-erwieħ fidili għal Kristu jitniegħdu taħt it-toqol ta’ dnubhom. Jobogħdu kull ħażen u jfittxu jimmortifikawh. 

Ġesù hu t-Tabib li jfejjaqna u jħaffef it-toqol minn fuq ruħna. Inutli nfittxu solliev band’ oħra. Xejn ma jikkwieta r-ruħ imnikkta u sogħbiena aktar minn dil-verità: Ġesù attwalment tgħabba bid-dnubietu ta’ niesu, bata għalihom adegwatament, u għamel tpattija perfetta biex jaqlagħhom id-dritt għall-Ġenna.

Talba: “O Alla, issa li wassaltilna fehma tajba tal-evanġelju u emminnieh, x’libertà din! X’serħan, issa li l-moħħ jirrealizza li kull dejn hu kkanċellat bid-demm tal-Ħaruf! Int l-Imħallef suprem, u ddikjarajtna ġusti bil-merti tas-sagrifiċċju tal-Kalvarju! Tgħoddna bla ħtija, għax il-ħtija xħitta fuq is-Sostitut tagħna, Ġesù! Agħtina illi nkomplu niffestiġġjaw fuq imħabbtek; imlielna qlubna b’aspirazzjonijiet biex nimxu fil-mogħdija evanġelika. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Il-Mogħdrija

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu - tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja” (Kolossin 3:8-12).  Il-beninnità hi l-ispirtu ta’ trattament favorevoli, jew il-prattika kostanti u abitwali ta’ azzjonijiet amikevoli u benevolenti. Hemm żewġ prinċipji ewlenin fil-kostituzzjoni umana, li jwettqu serriegħa bla waqfien għall-predominanza: l-egoiżmu u l-benevolenza, jew il-beninnità. L-egoiżmu jikkonċentra s-sentimenti, ix-xewqat u l-azzjonijiet kollha fuq il-promozzjoni tal-benesseri i...

Diskors Bid-Dehen

“La taħsibx kif tagħmel il-ħsara lil għajrek huwa u qiegħed jgħammar bla biża’ miegħek. La tiġġieled ma’ ħadd għalxejn, jekk ma għamillek l-ebda deni. Ħu offiż hu aktar iebes biex jintrebaħ minn belt qawwija, u l-ġlied bejn l-aħwa qisu staneg ta’ kastell. Aħjar tgħammar f’rokna ta’ setaħ milli ma’ mara ġellieda f’dar kbira.” (Proverbji 3:29-30; 18:19; 25:24).  Matul l-Assedju l-Kbir fl-1565, il-qawwiet Ottomani tħabtu u ssieltu biex jirbħu lil pajjiżna taħt idejhom. Għalkemm kienu ferm aktar numerużi minna, it-Torok iġġieldu għalxejn għal erba’ xhur sħaħ. Il-bliet Maltin, fortifikati bis-swar u balwardi godlija, kienu virtwalment inespjunabbli. Hekk ukoll hu diffiċli tirbaħ lura l-ħbiberija ta’ ħu offiż. Anzi, dal-proverbju jwissina li hu aktar diffiċli tirbaħ lura lil ħuk milli tegħleb belt qawwija. Ma naħsibx li dan inkiteb biex naqtgħu qalbna milli nfittxu rikonċiljazzjoni f’waqtha. Jekk wieħed jistaqsi, x’inhi r-rikonċiljazzjoni? Hi t-tieni ħbiberija. Dan jibqa’ dmir...