Skip to main content

Kieku u Kumbinazzjoni

“Tibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem imma ma jistgħux joqtlu r-ruħ. Aktarx ibżgħu aktarx minn dak li jista’ jeqred kemm ir-ruħ kif ukoll il-ġisem fl-Infern. Ewwilla żewġ għammiela ma jinbigħux assarju? Frattant wieħed minnhom ma jaqax mal-art mingħajr il-volontà ta’ Missierkom. Inkwantu intom, saħansitra xagħar raskom hu kollu magħdud. Għalhekk tibżgħux; intom tiswew iżjed minn qabda għammiela” (Mattew 10:28-31).

Insibu multitudni ta’ providenzi ttajmjati preċiż, hekk illi kieku ġraw tikka aktar kmieni jew aktar tard, tintilef l-armonija universali. Il-qaddej ta’ Abraħam, pereżempju, jasal fil-Mesopotamja, mibgħut fuq faċenda biex isib xebba tgħodd għal Iżakk. U bilkemm kien laħaq temm it-talba tiegħu biex jingħatalu r-risq: tersaq Rebekka, u toffrilu jixrob kif ukoll ittella’ l-ilma għall-iġmla tiegħu – eżattament kif talab l-għelm mingħand il-Mulej. 

Il-Ħallieq u l-Gvernatur tas-sema u l-art ma jaħdimx bil-kumbinazzjonijiet u koinċidenzi. Ċertament, f’għajnejna u fl-esperjenza tagħna jiġru bosta inzertaturi – proprjament sforz l-injoranza tagħna. Imma Alla, li jrieġi kollox skont il-għan tiegħu, jaf id-dettalji għax jaħtarhom hu nnifsu. Mhux bix-xorti, iżda bil-fehma tiegħu, illi kollox jopera eżattament fil-ħin. Il-kontinġenzi ma jżommu ebda regola.

L-anġlu jsejjaħ lil Abraħam proprju meta kien se jniżżel is-sikkina u joqtol lil ibnu. F’dak il-ħin stess, il-patrijarka jilmaħ kibx maqbud minn qrunu fl-għolliq, u offrieh bħala sagrifiċċju minflok Iżakk. F’każ ieħor, Ħaġar jintwerielha bir bl-ilma proprjament hekk kif abbandunat lil binha, għax ħasbet li mhix kapaċi tarah imut. Rabsakè jisma’ xniegħa li ffrustrat il-pjan tiegħu, proprjament meta kien lest biex jagħti s-salt fuq Ġerusalemm. 

Alla tagħna kien u għadu fuq it-tron! Kull min għaraf ir-renju tiegħu bil-fidi ma jdumx ma jibda jara s-smewwiet u l-art mimlijin bil-glorja tiegħu. Hu involut intimament fl-andament tal-ħolqien, tad-dinja, tal-knisja, u tiegħek ukoll; mhux biss spettatur, iżda d-Diriġent u l-Awtur tal-istorja. 

Talba: “Tabilħaqq, o Ragħaj ta’ Iżrael, Alla omnipotenti li tgħammar fuq il-kerubini, minn dejjem għal dejjem hi s-saltna tiegħek. Għallimna nafdawk sabiex nagħrfu nistkennu fik. U hekk kif aħna persważi mill-ħakma providenzjali tiegħek, agħtina li l-mistrieħ tagħna fik ikun ħelu, u hekk inħabirku aktar u aktar biex inservuk bl-umiltà u s-sinċerità. Reġġagħna għal li konna; irrestawrana għall-ewwel imħabba tagħna; ħa jiddi wiċċek fuqna u aħna nkunu salvati. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Is-Sunnara Mistura

“Tkunux idolatri, bħal xi wħud minnhom; bħalma hu miktub: ‘In-nies poġġew jieklu u jixorbu, u qamu jilagħbu.’ M’għandniex niffornikaw, bħalma xi wħud minnhom iffornikaw, u mietu tlieta u għoxrin elf f’jum wieħed. M’għandniex inġarrbu lis-Sid, bħalma xi wħud minnhom ġarrbuh, u kienu meqrudin mis-serpenti; lanqas tgemgmu, kif xi wħud minnhom gemgmu, u kienu meqrudin mill-anġlu qerried. Issa dawn il-ħwejjeġ ġraw lil dawk in-nies bħala eżempji, u nkitbu bħala ammoniment għalina, li fuqna wasal it-twettiq taż-żminijiet. Għalhekk min jidhirlu li jinsab wieqaf fis-sod għandu joqgħod attent li ma jaqax! Ebda tiġrib ma qabadkom ħlief dak li hu komuni għall-umanità. Però Alla hu fidil, u mhux se jħallikom tkunu mġarrbin lil hinn milli kapaċi tifilħu, iżda mat-tiġrib jipprovdi l-ħruġ ukoll, ħalli tkunu tistgħu tissaportuh” (1 Korintin 10:6-13). It-tiġrib jippreżenta ruħu attraenti; iwiegħed il-kuntentizza, almenu kuntentizza temporanja. Imma qatt ma jiġi b’idejh vojta – joffrili s-sodisfa...

Is-Solitudni

“Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: waqt biex titwieled u waqt biex tmut; waqt li tħawwel u waqt li taqla’ l-imħawwel; waqt li toqtol u waqt li tfejjaq; waqt li tibki u waqt li tidħaq; waqt li tagħmel il-vistu u waqt li tiżfen; waqt li tarmi l-ġebel u waqt li tgeddes il-ġebel; waqt li titgħannaq u waqt li titbiegħed mit-tgħanniq; waqt li tfittex u waqt li titlef; waqt li terfa’ u waqt li tarmi; waqt li tqatta’ u waqt li tħit; waqt li tiskot u waqt li titkellem; waqt li tħobb u waqt li tobgħod; waqt ta’ gwerra u waqt ta’ sliem” (Ekkleżjażti 3:1-8). Is-solitudni, bħal-lupi bir-ragħwa f’ħalqu, tissajja fid-dellijiet tal-avversità, lesta biex taqbeż fuqi. Jgħidu fjakkola mkebbsa tgerrex lil-lupu u ma jersaqx lejk. Jheddek, imma jibqa’ distakkat. Il-fjakkola hi biss il-komunjoni li nista’ mmantni kostantement, bla interruzzjoni, mal-Missier. Imma rrid inżommha f’idi, mhux nitlaqa’ quddiem l-għarix. U nieħu ħsiebha, mhux nittraskuraha.  Inġerragħ is...