Skip to main content

Is-Sapport tas-Sema

“Ikkonsidrawh kollu ferħ, ħuti, kull meta tiffaċċjaw tiġrib varju, billi tafu illi l-ipprovar tal-fidi tagħkom jiżviluppa l-perseveranza. U ħa jkollha l-perseveranza r-riżultat perfett tagħha, sabiex tkunu perfetti u kompluti, bla mankanza f’xejn. Jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-għerf, ħa jissupplikah mingħand Alla, li jagħti ’l kulħadd ġenerożament u bla ma jirrimprovera, u jkun mogħti lilu. Imma jmissu jissupplika bil-fidi bla ma jiddubita xejn, għax min jiddubita donnu ħalla tal-baħar, misjuqa u mxewlħa mir-riħ.” (Ġakbu 1:2-6).

Bħalma l-bidwi jieħu ħsieb l-għoros (xitel ċkejkna), u jipproteġihom bl-ilqugħ biex ma jitqaċċtux, iżda meta jrabbu l-għeruq sew u jissodaw, ineħħilhom l-ilqugħ u jħalli jfendu għall-irjieħ u l-maltemp, hekk Alla jgħasses lil uliedu b’sigurezza ta’ konforti ġewwiena, iżda mbagħad, kif jarmaw jikbru, jesponihom għall-irwiefen, għax ikunu jifilħu jġarrbuhom. Mela ħa ma naħsbux illi nkunu aħjar jekk ninsabu ħielsa minn kull saram u tfixkil. Jekk l-andament hu relattivament lixx, dan probabbilment ifisser li Missierna għadu qed jarana immaturi u debboli. 

Mill-bqija, il-prosperità għandha l-ażżard tagħha. Rari ssib raġel mixħut biex isir sinjur u fl-istess ħin għaddej ’il quddiem fil-fidi. Huma l-foqra li normalment jirċievu u jsegwu l-Evanġelju. Kristu jippronunzja barka kemm fuq il-foqra fl-ispirtu kif ukoll fuq il-foqra materjalment. Jekk tabilħaqq napprezzaw iż-żelu tagħna fil-fidi, ħa ngħassu kontra t-tentazzjoni li nsiru sinjuri; aspirazzjonijiet ambizzjużi jistgħu faċilment iqabbduna t-triq tar-rigressjoni u ċaħda. Jiġrilna bħal meta Pietru kien fil-bitħa waqt il-ġuri ta’ Sidu: hu u jsaħħan idejh, berred qalbu. 

“Il-prosperità,” jgħid il-Puritan William Gurnall, “mhi ħabiba xejn ma’ memorja santifikata, u għaldaqstant aħna avvertiti, meta nkunu mimlijin, li ma mmorrux ninsew lil Alla. Noè, li ra d-dinja kollha mgħarrqa bl-ilma, malli żbarka sikur fuq l-art, u beda jgawdi l-abbondanza, nesa ’l Alla, u għarraq lilu nnifsu fl-inbid.”

Fejn elf huma distrutti bid-diżapprovazzjoni tad-dinja, għaxart elef jinqerdu biż-żegħil tagħha. Bħas-sireni, id-dinja tkantalna, imbagħad tgħarraqna. David seta’ jissaporti l-persekuzzjoni bla tgemgim, iżda meta daħal fil-fażi tas-suċċes u l-prosperità ma setax idawwar ħarstu mill-frugħa. 

Talba: “Abba Missierna, int waħdek għaref; f’idek iżżomm in-nifs u d-destin ta’ kull laħam. Nitolbuk, f’ġieħ Ibnek Ġesù, sabiex ma tesponiniex għall-perikli li bihom nistgħu naqgħu u noffenduk. Frattant, jekk jogħġbok tgħaddina minnhom, għall-iskopijiet sapjenti tiegħek, issapportjana u kun magħna kull mument, biex noħorġu msoffija bħad-deheb. F’ġieħ Ibnek Ġesù. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Is-Sunnara Mistura

“Tkunux idolatri, bħal xi wħud minnhom; bħalma hu miktub: ‘In-nies poġġew jieklu u jixorbu, u qamu jilagħbu.’ M’għandniex niffornikaw, bħalma xi wħud minnhom iffornikaw, u mietu tlieta u għoxrin elf f’jum wieħed. M’għandniex inġarrbu lis-Sid, bħalma xi wħud minnhom ġarrbuh, u kienu meqrudin mis-serpenti; lanqas tgemgmu, kif xi wħud minnhom gemgmu, u kienu meqrudin mill-anġlu qerried. Issa dawn il-ħwejjeġ ġraw lil dawk in-nies bħala eżempji, u nkitbu bħala ammoniment għalina, li fuqna wasal it-twettiq taż-żminijiet. Għalhekk min jidhirlu li jinsab wieqaf fis-sod għandu joqgħod attent li ma jaqax! Ebda tiġrib ma qabadkom ħlief dak li hu komuni għall-umanità. Però Alla hu fidil, u mhux se jħallikom tkunu mġarrbin lil hinn milli kapaċi tifilħu, iżda mat-tiġrib jipprovdi l-ħruġ ukoll, ħalli tkunu tistgħu tissaportuh” (1 Korintin 10:6-13). It-tiġrib jippreżenta ruħu attraenti; iwiegħed il-kuntentizza, almenu kuntentizza temporanja. Imma qatt ma jiġi b’idejh vojta – joffrili s-sodisfa...

Is-Solitudni

“Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: waqt biex titwieled u waqt biex tmut; waqt li tħawwel u waqt li taqla’ l-imħawwel; waqt li toqtol u waqt li tfejjaq; waqt li tibki u waqt li tidħaq; waqt li tagħmel il-vistu u waqt li tiżfen; waqt li tarmi l-ġebel u waqt li tgeddes il-ġebel; waqt li titgħannaq u waqt li titbiegħed mit-tgħanniq; waqt li tfittex u waqt li titlef; waqt li terfa’ u waqt li tarmi; waqt li tqatta’ u waqt li tħit; waqt li tiskot u waqt li titkellem; waqt li tħobb u waqt li tobgħod; waqt ta’ gwerra u waqt ta’ sliem” (Ekkleżjażti 3:1-8). Is-solitudni, bħal-lupi bir-ragħwa f’ħalqu, tissajja fid-dellijiet tal-avversità, lesta biex taqbeż fuqi. Jgħidu fjakkola mkebbsa tgerrex lil-lupu u ma jersaqx lejk. Jheddek, imma jibqa’ distakkat. Il-fjakkola hi biss il-komunjoni li nista’ mmantni kostantement, bla interruzzjoni, mal-Missier. Imma rrid inżommha f’idi, mhux nitlaqa’ quddiem l-għarix. U nieħu ħsiebha, mhux nittraskuraha.  Inġerragħ is...