Skip to main content

Il-Qawwa tal-Kant

“Anzi, aktar minn hekk, nikkonsidra saħansitra kollox bħala telf minħabba l-valur wisq aktar superjuri li nkun naf lil Kristu Ġesù Sidi. Minħabba fih irrinunzjajt il-ħwejeġ kollha, u nikkonsidrahom biss żibel sabiex niggwadanja ’l Kristu u ninstab fih, mhux li għandi l-ġustizzja personali tiegħi, dik derivata mil-liġi, iżda dik li tiġi permezz tal-fidi fi Kristu – il-ġustizzja mingħand Alla bbażata fuq il-fidi - ħalli nkun naf lil Kristu u s-setgħa tar-resurrezzjoni tiegħu u x-xirka tas-sofferenzi tiegħu, billi nkun ikkonformat ma’ mewtu, sabiex b’xi mod nilħaq ir-resurrezzjoni mill-imwiet” (Filippin 3:8-11).

Nistgħu nkejlu l-avvanz jew ir-rigress tagħna fil-grazzja skont kemm ħsibijietna u l-meditazzjoni tagħna huma fuq Kristu, u fuq il-glorja ta’ saltnatu, u fuq imħabbtu. O li nkunu nafu aktar u aktar l-imħabba tiegħu li tisboq kull dehen, u nimtlew bil-milja kollha t’Alla!

U meta nkantawlu t-tifħir tagħna, dan mhuwiex eżerċizzju battal. Il-kant, offrut b’atteġġjament spiritwali u b’fehma tajba, iżomm il-qalb fit-tul fuq is-suġġett. It-talb u s-smigħ tal-prietka sikwit jgħaddu minn sentenza għall-oħra; fil-kant il-moħħ jomgħod u jtiegħem fit-tul, jixtarr x’qed jitgħanna, u l-benefiċċju hu ogħla milli nimmaġinaw. 

Kanta waħdek u ma’ sħabek. Itlob waħdek u ma’ sħabek. L-eżerċizzju tiegħek innifsek fis-solitudni huwa prova probabbli tar-rettitudni tiegħek. Fil-kumpanija sikwit niskansaw il-ħażen minħabba l-brilji tal-biża’ u l-mistħija, u provokati nagħmlu s-sewwa bl-ixpruni dehbija tal-kommendazzjoni jew profitt. Iżda fis-solitudni m’għandna ebda rażan għal-leblieba tagħna, u m’għandna xejn fil-mogħdija tal-qdusija biex tinkuraġġixxi l-progress tagħna. Il-linjamenti għarwiena u l-ħsibijiet naturali tar-ruħ huma magħrufa u mkejla l-aħjar fis-sigriet. 

Talba: “Linja fuq linja, sentenza fuq sentenza, għallimna Kelmtek, o Missier. Sawwar minna nies li kapaċi mbagħad nammonixxu lil xulxin b’kull għerf, filli nkantawlek salmi u innijiet, b’rikonoxxenza fi qlubna lilek. Sew jekk bil-kelma jew bl-att, niġu quddiemek bil-qima tagħna f’isem Kristu, il-Medjatur li int ħtart bejnietna.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

O Alla, Inqimek u Nadurak

“Għaldaqstant, neħħu kull ħmieġ morali u ħażen tant prevalenti, u bil-manswetudini ilqgħu l-kelma mħawla fikom, li kapaċi ssalva erwieħkom. Imma siru għammiela tal-kelma, u mhux sempliċement semmiegħa, altrimenti tilludu lilkom infuskom. Għax jekk xi ħadd hu semmiegħ tal-kelma u mhux għammiel, dan donnu raġel li jikkonsidra l-wiċċ naturali tiegħu f’mera: appena ħares lejh innifsu, telaq, u malajr nesa liema speċi ta’ persuna kien. Imma min jittawwal b’attenzjoni fil-liġi perfetta, il-liġi tal-libertà, u jkompli fiha, mhux isir semmiegħ li jinsa iżda jpoġġiha fil-prattika, dan se jkun imbierek f’għemilu” (Ġakbu 1:21-25). Prijorità numru wieħed: nitgħallem insir qejjiem. “Adoro Te.” Hi ċentrali, u kollox suppost jirrivolvi magħha, bħalma l-pjaneti jduru max-xemx. Attwalment mhuwiex hekk. Għad hemm x’wieħed jaqdef. Sakemm nibqgħu naduraw xogħolna b’tant impenn, u naħdmu b’tant serjetà fil-logħob tagħna, il-probabbiltà tkun li nibqgħu nilagħbu fil-qima tagħna. Frattant Alla Tr...