Skip to main content

Fidi Vera u Fidi Falza

“Biss, jiġri x’jiġri, ġibu rwieħkom denjament tal-evanġelju ta’ Kristu, sabiex sew jekk niġi u narakom jew nibqa’ assenti, nisma’ dwarkom illi tieqfu sħiħ fi spirtu wieħed, b’fehma waħda tikkumbattu flimkien għall-fidi tal-evanġelju, bla ma tkunu mbeżża’ f’xejn mill-opponenti tagħkom. Dan hu għalihom turija ta’ distruzzjoni, imma għalikom ta’ salvazzjoni – u dan mingħand Alla. Għax lilkom hu mogħti b’xejn, għal Kristu, mhux biss li temmnu fih, iżda wkoll li tbatu għalih, billi ġġarrbu l-istess sargħa li rajtu fija, u issa tisimgħu li għad għandi” (Filippin 1:27-30).

Il-fidi hi rikjesta minna, u fl-istess ħin il-fidi hi għotja t’Alla, l-istess bħalma Alla kmanda lil-Lhud biex jagħmlu ċ-ċirkonċiżjoni f’qalbhom, u peress li kienet ħaġa impossibbli għalihom, għamilhielhom hu. Aħna nemmnu, tabilħaqq, imma mhux mingħajr l-abbiltà mogħtija lilna minn Alla, abbiltà li qalgħahielna Ibnu bl-Ispirtu tiegħu.

Dil-fidi li dwarha qed nitkellmu mhijiex sentiment; aktarx, tinvolvi l-fehma u fuq kollox ir-rieda. Il-maqgħad tal-fidi hi l-fehma, kif ukoll il-volontà umana. Għandha għajn biex tara lil Kristu, kif ukoll ġwienaħ biex ittir għandu. Għalkemm kultant jista’ jkollha id titriegħed, ma jistax ikollha id iċċongata, għax trid titmattar, tiġġebbed biex taqbad lil Kristu. Jekk mhix vitali mhi xejn ħlief xow bla sugu.

Nieħdu lil Ġuda bħala illustrazzjoni. Ġuda kien midħla tal-Iskrittura, u indubjament ta l-kunsens tiegħu għall-verità fiha, u difatti għamel żmien predikatur tal-Vanġelu, iżda qatt u qatt ma kellu l-iċken għabra ta’ fidi salvivika f’ruħu. Imqar l-imgħallem ta’ Ġuda, ix-xitan innifsu, jaqbel mal-verità mħaddna fil-Bibbja, u ma jissograx jinnegaha direttament. Meta ġarrab lil Ġesù ma ddisputiex kontra l-Iskrittura imma mill-Iskrittura. Silet il-vleġeġ mill-ħorġ bibliku.

Minn hawn nintebħu illi wieħed jista’ faċilment jaqbel mal-verità biblika; dan hu biss att tal-fehma. Ir-reprobati u d-demonji jeżerċitaw dit-tip ta’ fidi, bla ma tiswielhom xejn. Il-fidi li tiġġustifika hi essenzjalment differenti, għax għalkemm tifhem u tħaddan ċerti fatti (bħax-xitan illi jemmen li Alla hu wieħed!) tippossiedi wkoll ir-rieda. Allura hi fidi li tieħu azzjoni, ċoè tafda fi Kristu, u konsegwentament ukoll tiffjorixxi fl-imħabba. Huwa minħabba f’hekk li l-Bibbja tisħaq li l-fidi trid tkun mill-qalb, mill-bniedem sħiħ, fis-sinċerità.

Talba: “Inħobbok, o Mulejja, int il-qawwa tiegħi. Int sirt il-blata u l-fortizza tiegħi. Inħares lejk bħala l-ħellies tiegħi mill-qabar, mill-Infern u, l-agħar, mid-dnub. Aħbini fik; kun it-tarka u d-difiża kollha tiegħi. Jien niġri lejk, għax int it-torri għoli tiegħi. Seddaqli l-fiduċja tiegħi fik, biex nistrieħ u nitpaxxa bik, u nżommok bħala l-bidu u t-tmiem tal-eżistenza tiegħi.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

O Alla, Inqimek u Nadurak

“Għaldaqstant, neħħu kull ħmieġ morali u ħażen tant prevalenti, u bil-manswetudini ilqgħu l-kelma mħawla fikom, li kapaċi ssalva erwieħkom. Imma siru għammiela tal-kelma, u mhux sempliċement semmiegħa, altrimenti tilludu lilkom infuskom. Għax jekk xi ħadd hu semmiegħ tal-kelma u mhux għammiel, dan donnu raġel li jikkonsidra l-wiċċ naturali tiegħu f’mera: appena ħares lejh innifsu, telaq, u malajr nesa liema speċi ta’ persuna kien. Imma min jittawwal b’attenzjoni fil-liġi perfetta, il-liġi tal-libertà, u jkompli fiha, mhux isir semmiegħ li jinsa iżda jpoġġiha fil-prattika, dan se jkun imbierek f’għemilu” (Ġakbu 1:21-25). Prijorità numru wieħed: nitgħallem insir qejjiem. “Adoro Te.” Hi ċentrali, u kollox suppost jirrivolvi magħha, bħalma l-pjaneti jduru max-xemx. Attwalment mhuwiex hekk. Għad hemm x’wieħed jaqdef. Sakemm nibqgħu naduraw xogħolna b’tant impenn, u naħdmu b’tant serjetà fil-logħob tagħna, il-probabbiltà tkun li nibqgħu nilagħbu fil-qima tagħna. Frattant Alla Tr...