Skip to main content

Ferħ Quddiem il-Feddej

“Għajtu għajta ta’ ferħ lill-Mulej, intom nies kollha tal-art! Aqdu lill-Mulej bil-ferħ; ejjew quddiemu bil-għana ferrieħi. Kunu afu li l-Mulej hu Alla; hu li għamilna, u mhux aħna lilna nfusna; aħna l-poplu tiegħu u nagħaġ tal-mergħa tiegħu. Idħlu minn bwiebu b’radd il-ħajr, u fil-btieħi tiegħu bit-tifħir; faħħruh, u bierku l-isem tiegħu. Għax twajjeb il-Mulej; għal dejjem tjubitu; u l-fedeltà tiegħu ddum minn nisel għal nisel!” (Salmi 100:1-5). 

Alla, unikament glorjuż, hu muri bħala l-Ħallieq u Feddej, il-benemertu tal-qima esklussiva tagħna. L-adorazzjoni tiegħu jmissha tkun universali, u hekk għad tkun! L-artijiet kollha għad jipparteċipaw fiha. 

Qima aċċettabbli hi ġubilanti u ferrieħa. Alla mhux sultan despotiku li jisforza lil niesu jservuh. Servizz motivat mill-imħabba huwa r-risponsorjal grat għall-grazzja t’Alla. Irridu nistmawh bħala favur meta nkunu mdaħħla fis-servizz tas-Sultan, u nirringrazzjawh talli għandna l-libertà ta’ dħul quddiemu, li għandna ordinanzi mwaqqfa, u opportunità kontinwa sabiex naqduh f’dawn l-ordinanzi.

Li tqim ’l Alla b’nofs qalb, jew bix-xofftejn biss, qajla hu differenti minn indifferenza. Tingaġġa f’qima formali hija alternattiva bażwija għal dawk li ma jridux iqimu. Hekk jew hekk, meta nqimuh b’nofs qalb, jimplika li x-xitan għandu klejm fuq in-nofs l-ieħor. U x-xitan jikkuntenta bit-tali kompromess, għax hu bħal dik il-mara quddiem Salamun, li t-tarbija ma kinitx tagħha; ix-xitan ma jimportahx jekk qalbek tinqasam biċċtejn. 

Il-kif u x’fatta se nersqu quddiem il-Mulej hu indikat: “Aqdu lill-Mulej bil-ferħ; ejjew quddiemu bl-għana ferrieħi.” X’hemm li jesprimi l-ferħ u l-hena aktar mill-għana u l-mużika? Jekk imissna nkantaw, irridu nitgħallmu nkantaw? Altrimenti nagħmlu biss kakofonija, u niddisturbaw id-devozzjoni ta’ sħabna fil-ġemgħa. Ma naffordjawx illi l-mużika fil-knisja tkun trivjali, jew inkella toħnoq il-kontenut tal-innijiet. L-aħjar mużika sempliċi, biex il-kongregazzjoni kollha tipparteċipa. 

Dwar mużika sagra Griżostmu jgħid: “Xejn ma jerfa’ ’l fuq lir-ruħ, xejn ma jħollha mill-ktajjen tal-ġisem, aħjar minnha.” Wistin ħallielna dal-kumment, mingħalija meta pparteċipa fil-liturġija f’Milan, qabel ma kkonverta: “Kemm kont nasal biex nibki liberament b’dawk l-innijiet u għanjiet spiritwali, trasportat bil-leħen tal-kongregazzjoni hija u tkanta bil-ħlewwa; il-melodija ta’ leħinha kienet timlili widinti, u l-verità ċelesti kienet titferra’ f’qalbi. Imbagħad il-fjamma tad-devozzjoni sagra kienet titkebbes f’ruħi, u gelgul ta’ dmugħ kien inixxi minn għajnejja...” Ħalli l-mużika sagra tkun koltivata u mħaddma bl-abbondanza. 

Talba: “O Alla kbir u setgħani, int tagħmel l-għeġubijiet. Ngħannulek għanja ġdida, El Eljon! Bħala ġemgħa ta’ fidili nfaħħruk. Ikkostitwejtna bħala Iżrael il-ġdid tiegħek, nisel Abraħam u werrieta skont il-wegħda. Erfajtilna qlubna lejk! Ħa nagħtuk ġieħ u glorja, u magħna jingħaqad kulma jieħu n-nifs, bid-daqq tal-kitarri u l-pjanu, b’armonija ferrieħa. Ħalleluja! Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

O Alla, Inqimek u Nadurak

“Għaldaqstant, neħħu kull ħmieġ morali u ħażen tant prevalenti, u bil-manswetudini ilqgħu l-kelma mħawla fikom, li kapaċi ssalva erwieħkom. Imma siru għammiela tal-kelma, u mhux sempliċement semmiegħa, altrimenti tilludu lilkom infuskom. Għax jekk xi ħadd hu semmiegħ tal-kelma u mhux għammiel, dan donnu raġel li jikkonsidra l-wiċċ naturali tiegħu f’mera: appena ħares lejh innifsu, telaq, u malajr nesa liema speċi ta’ persuna kien. Imma min jittawwal b’attenzjoni fil-liġi perfetta, il-liġi tal-libertà, u jkompli fiha, mhux isir semmiegħ li jinsa iżda jpoġġiha fil-prattika, dan se jkun imbierek f’għemilu” (Ġakbu 1:21-25). Prijorità numru wieħed: nitgħallem insir qejjiem. “Adoro Te.” Hi ċentrali, u kollox suppost jirrivolvi magħha, bħalma l-pjaneti jduru max-xemx. Attwalment mhuwiex hekk. Għad hemm x’wieħed jaqdef. Sakemm nibqgħu naduraw xogħolna b’tant impenn, u naħdmu b’tant serjetà fil-logħob tagħna, il-probabbiltà tkun li nibqgħu nilagħbu fil-qima tagħna. Frattant Alla Tr...