Skip to main content

Dnubek Isibek

“‘Għalhekk nagħmel ħaqq minkom, o dar Iżrael, kull wieħed skont triqatu,’ jgħid Sidi l-Mulej. ‘Indmu, u erġgħu lura minn ħtijietkom kollha, u hekk il-ħażen ma jkunx it-tiġrif tagħkom. Armu minn fuqkom ħtijietkom kollha li bihom dnibtu, u agħmlu għalikom qalb ġdida u spirtu ġdid! Għaliex tridu tmutu, o dar Iżrael? Għax jien ma niħux pjaċir bil-mewt ta’ min imut,’ jgħid Sidi l-Mulej. ‘Għalhekk indmu u ibqgħu ħajjin’” (Eżekjel 18:30-32).

Il-ħażen, espress fid-diżubbidjenza tagħna, għad jinkixef fin-natura vera tiegħu. Jew nikkonvertu minnu b’sens ta’ għajb u orrur, jew inkella, konfużi, nibqgħu mqabbdin miegħu bi stinazzjoni. Aħjar iwerwirna fil-karattru reali tiegħu issa milli fid-dinja li ġejja. L-iben prodgu, fil-parabbola, daħal daħla fih innifsu u għaraf l-istupidaġni tiegħu, fiex waqqgħetu l-indipendenza falza tiegħu minn missieru. Appena safa konvint, minnufih fittex jiddivorzja minnu. 

Sawl ta’ Tarsu jistqarr li darba kien ħaj mingħajr il-liġi, mingħalih, iżda meta ġie l-kmandament, id-dnub fih stejqer u hu miet. Irrealizza li r-reliġjożità mkabbra tiegħu, flok għenitu, fixklitu milli jixxierek mal-Missier. Il-grazzja operat fih meraviljożament.

Oħrajn jibqgħu jgħassdu fil-ħama proprjament għax id-dnub iwebbishom. Huma sikrana wisq biex jiddeterminaw illi jibbandunaw il-vija fatali tagħhom. Minħabba f’hekk aħna eżortati biex noqogħdu attenti ħalli ma nkunux imwebbsa bil-qerq tad-dnub. 

Jekk nibqgħu bl-għaqreb fil-komma, jigdimna żgur, xi darba jew oħra. Is-semm ma jinħassx għall-ewwel, imma akar tard jiddistruġġina. Ħut Ġużeppi wettqu att viljakk kontrih; bagħduh, bigħuh u ħelsu minnu. X’ġara minn dnubhom? M’għamel ebda ħoss, iżda baqa’ jsegwihom sieket fix-xagħri, taħt it-tined, kulfejn marru. Jekk żaru raħal ieħor, mar magħhom. Jekk niżlu l-Eġittu, akkumpanjahom. Frattant ebda ħoss dwaru; ħadd aktar ma ssuspetta, u missierhom kien ilu li bela’ s-sotterfuġju tagħhom. 

Iżda kif kienu msakkra għand Faragħun, bħal tiġieġ fil-gallinar, is-serp tar għalihom, ħarbathom, u mela l-kuxjenza tagħhom b’rimors qares. Inevitabbilment, fejn il-ħażen jiftħilna l-passaġġ, u aħna nsegwuh, il-kastig jitkaxkar warajna, bħal ktajjen marbuta ma’ saqajna. 

Talba: “Alla tas-sewwa, għajnejk huma wisq safjin biex tħares lejn il-ħażen, u ma tiflaħx tosservi d-deni. Int ċertament ma tiffrankahiex lill-ħati, u allura, jekk b’tostaġni u kburija nikkommettu l-ħażen kontra tiegħek, o Mulej, dnubna ċertament isibna. O agħtina illi bħalma wassaltna għall-indiema nibqgħu nimxu fiha kontinwament, u assigura illi naslu biex nipproduċu l-frott denju tal-indiema.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Il-Mogħdrija

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu - tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja” (Kolossin 3:8-12).  Il-beninnità hi l-ispirtu ta’ trattament favorevoli, jew il-prattika kostanti u abitwali ta’ azzjonijiet amikevoli u benevolenti. Hemm żewġ prinċipji ewlenin fil-kostituzzjoni umana, li jwettqu serriegħa bla waqfien għall-predominanza: l-egoiżmu u l-benevolenza, jew il-beninnità. L-egoiżmu jikkonċentra s-sentimenti, ix-xewqat u l-azzjonijiet kollha fuq il-promozzjoni tal-benesseri i...

Diskors Bid-Dehen

“La taħsibx kif tagħmel il-ħsara lil għajrek huwa u qiegħed jgħammar bla biża’ miegħek. La tiġġieled ma’ ħadd għalxejn, jekk ma għamillek l-ebda deni. Ħu offiż hu aktar iebes biex jintrebaħ minn belt qawwija, u l-ġlied bejn l-aħwa qisu staneg ta’ kastell. Aħjar tgħammar f’rokna ta’ setaħ milli ma’ mara ġellieda f’dar kbira.” (Proverbji 3:29-30; 18:19; 25:24).  Matul l-Assedju l-Kbir fl-1565, il-qawwiet Ottomani tħabtu u ssieltu biex jirbħu lil pajjiżna taħt idejhom. Għalkemm kienu ferm aktar numerużi minna, it-Torok iġġieldu għalxejn għal erba’ xhur sħaħ. Il-bliet Maltin, fortifikati bis-swar u balwardi godlija, kienu virtwalment inespjunabbli. Hekk ukoll hu diffiċli tirbaħ lura l-ħbiberija ta’ ħu offiż. Anzi, dal-proverbju jwissina li hu aktar diffiċli tirbaħ lura lil ħuk milli tegħleb belt qawwija. Ma naħsibx li dan inkiteb biex naqtgħu qalbna milli nfittxu rikonċiljazzjoni f’waqtha. Jekk wieħed jistaqsi, x’inhi r-rikonċiljazzjoni? Hi t-tieni ħbiberija. Dan jibqa’ dmir...