Skip to main content

Armat Kontra t-Tentazzjoni

“Tkunux idolatri, bħal xi wħud minnhom; bħalma hu miktub: ‘In-nies poġġew jieklu u jixorbu, u qamu jilagħbu.’ M’għandniex niffornikaw, bħalma xi wħud minnhom iffornikaw, u mietu tlieta u għoxrin elf f’jum wieħed. M’għandniex inġarrbu lis-Sid, bħalma xi wħud minnhom ġarrbuh, u kienu meqrudin mis-serpenti; lanqas tgemgmu, kif xi wħud minnhom gemgmu, u kienu meqrudin mill-anġlu qerried. Issa dawn il-ħwejjeġ ġraw lil dawk in-nies bħala eżempji, u nkitbu bħala ammoniment għalina, li fuqna wasal it-twettiq taż-żminijiet. Għalhekk min jidhirlu li jinsab wieqaf fis-sod għandu joqgħod attent li ma jaqax! Ebda tiġrib ma qabadkom ħlief dak li hu komuni għall-umanità. Però Alla hu fidil, u mhux se jħallikom tkunu mġarrbin lil hinn milli kapaċi tifilħu, iżda mat-tiġrib jipprovdi l-ħruġ ukoll, ħalli tkunu tistgħu tissaportuh” (1 Korintin 10:7-13).

Alla jippermetti li niesu jkunu mġarrba. Iħalli lill-avversarju malinn tagħna biex jaħbatna, avolja aħna l-ulied għeżież tiegħu. Għaliex jadotta dal-metodu? Ewwilla mhux biex iqawwini fil-grazzji spiritwali tagħna? Ewwilla mhux biex jikkonfermana aktar fl-assigurazzjoni ta’ mħabbtu li biha pjanalna u esegwixxi s-salvazzjoni tagħna? 

Belt li darba sfat assedjata imma baqgħet ma ċedietx, aktar ’il quddiem tkun kapaċi żżomm sħiħ jekk tkun assaltata minn xi periklu simili, għax fil-frattemp iseddqulha l-balwardi u l-fortizzi tagħha jerġa’ aktar minn qabel. B’mod simili, dawk assaltati mit-Tentatur joqogħdu aktar attenti u jarmaw lilhom infushom kontrih billi jxiddu l-armatura sħiħa provduta lilhom skont il-grazzja, biex ma jingħelbux minnu. Ħadd mhu aktar kwalifikat biex jagħraf it-tattiċi ħajjiena tax-xitan minn dak li jkun ilu jitħarreġ fil-kulleġġ tat-tentazzjoni. Hekk jaħseb is-Sid f’għerfu. 

Ninnotaw kif Alla kellu Iben wieħed mingħajr korruzzjoni, imma m’għandu ebda iben mingħajr tentazzjoni. B’daqshekk ma nikkonkludux li nistgħu ndaħħlu l-lifgħa fil-komma, jew inressqu n-nar lejn ħobbna. Hemm differenza kbira bejn taqa’ fit-tentazzjoni, u tiġri lejn it-tentazzjoni. Tiltaqa’ mat-tiġrib imissu jirriżultalek għall-avvanz spiritwali. Tfittex it-tiġrib hu ġenn, għax l-Imgħallem mhux hekk għallimna nitolbu. Li tkun trid it-tentazzjoni hi l-akbar tentazzjoni fosthom kollha. Jekk minn fuq il-gverta taqa’ l-baħar aċċidentalment, abbli tirċievi l-ajjut immedjat, imma jekk b’disprament tinxteħet apposta l-baħar tkun ħati ta’ mewtek stess. 

Mela ħa nirrealizzaw illi bix-xieraq irridu nkunu kostantement imħejjija: “Ibqgħu għassu u itolbu sabiex ma tidħlux fit-tiġrib. L-ispirtu jrid, imma l-ġisem dgħajjef” (Mattew 26:41). Mill-banda l-oħra nagħrfu wkoll illi ma nistgħux naslu għall-vittorja fejn ma rfisniex l-għalqa tal-kumbatt.

Is-sabiħa hi din: il-vittorja ma tiddependix minna, imma minn Kristu, il-Kaptan tal-eżerċti tal-Mulej, li ħadha fuqu nnifsu biex jikkonkwista għalina (fuq is-salib), u jikkonkwista fina (fl-andament ta’ ħajjitna, bl-Ispirtu tiegħu). Jekk emanċipana mill-kundanna, mhux sejjer ma jilliberaniex mid-dominanza tal-ħażen?

Ejjew, mela, ma niffissawx daqstant fuq l-għedewwa. Aktarx, ħa nkunu kkonċentrati u nitgħaxxqu fl-Irxoxtat, l-Imħallef u r-Rajjes tagħna. Nagħtu inqas kas il-minaċċji tan-nemik, u aktar kas il-wegħdi tal-Imgħallem tagħna. 

Talba: “Missier għaref u twajjeb tagħna, iddaħħalniex fit-tiġrib, għax aħna dgħajfa fina nfusna u naqgħu faċilment. Sostnina bl-Ispirtu tiegħek; ħa nkunu mimlijin bih biex hekk ninħelsu mill-istrataġemmi u t-trapppoli tal-Ħażin. Agħmilna aktar reżistenti biex ma naqgħux mal-iċken pressjoni. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Il-Mogħdrija

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu - tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja” (Kolossin 3:8-12).  Il-beninnità hi l-ispirtu ta’ trattament favorevoli, jew il-prattika kostanti u abitwali ta’ azzjonijiet amikevoli u benevolenti. Hemm żewġ prinċipji ewlenin fil-kostituzzjoni umana, li jwettqu serriegħa bla waqfien għall-predominanza: l-egoiżmu u l-benevolenza, jew il-beninnità. L-egoiżmu jikkonċentra s-sentimenti, ix-xewqat u l-azzjonijiet kollha fuq il-promozzjoni tal-benesseri i...

Diskors Bid-Dehen

“La taħsibx kif tagħmel il-ħsara lil għajrek huwa u qiegħed jgħammar bla biża’ miegħek. La tiġġieled ma’ ħadd għalxejn, jekk ma għamillek l-ebda deni. Ħu offiż hu aktar iebes biex jintrebaħ minn belt qawwija, u l-ġlied bejn l-aħwa qisu staneg ta’ kastell. Aħjar tgħammar f’rokna ta’ setaħ milli ma’ mara ġellieda f’dar kbira.” (Proverbji 3:29-30; 18:19; 25:24).  Matul l-Assedju l-Kbir fl-1565, il-qawwiet Ottomani tħabtu u ssieltu biex jirbħu lil pajjiżna taħt idejhom. Għalkemm kienu ferm aktar numerużi minna, it-Torok iġġieldu għalxejn għal erba’ xhur sħaħ. Il-bliet Maltin, fortifikati bis-swar u balwardi godlija, kienu virtwalment inespjunabbli. Hekk ukoll hu diffiċli tirbaħ lura l-ħbiberija ta’ ħu offiż. Anzi, dal-proverbju jwissina li hu aktar diffiċli tirbaħ lura lil ħuk milli tegħleb belt qawwija. Ma naħsibx li dan inkiteb biex naqtgħu qalbna milli nfittxu rikonċiljazzjoni f’waqtha. Jekk wieħed jistaqsi, x’inhi r-rikonċiljazzjoni? Hi t-tieni ħbiberija. Dan jibqa’ dmir...