Skip to main content

Kuraġġ!

“L-intenzjoni tiegħu kienet sabiex issa, permezz tal-knisja, l-għerf wisq varjat t’Alla jkun mgħarraf lill-ħakkiema u l-awtoritajiet fl-imkejjen smewwitin, skont l-għan etern li attwa fi Kristu Ġesù Sidna. Fih għandna l-kuraġġ u aċċess bil-kunfidenza permezz tal-fidi fih. Għaldaqstant nissupplikakom biex ma tiskuraġġux irwieħkom minħabba t-tribulazzjonijiet tiegħi għalikom, li huma l-glorja tagħkom” (Efesin 3:10-13).

Xi wħud jikkalkolaw li l-kuraġġ huwa nofs triq bejn it-timidità u l-istupidaġni. Jgħidu wkoll li tista’ tkun galanti daqs għaxra, u b’sengħa evidenti, imma jekk ma jkollokx xorti tajba ftit jiswewlek. Possibbilment, imma l-kwistjoni ifnad minn hekk. 

In-nuqqas ta’ kuraġġ jintwera l-aktar meta taf x’inhu s-sewwa u tibqa’ ma twettqux. Essenzjalment jikkonsisti filli tara l-periklu tal-ħażen, il-minaċċja tal-inikwità, u tegħlibhom, mhux iddawwar ħarstek band’ oħra. Il-kuraġġ fil-periklu hu nofs il-battalja. 

L-ikbar test għall-kuraġġ tgħaddi minnu meta tissaporti d-disfatta mingħajr ma taqta’ jiesek – kif qal wieħed kapurjun f’dal-qasam: “Aħna ttribulati b’kull mod, iżda mhux mgħaffġin; perplessi, iżda mhux niddispraw; ippersegwitati, iżda mhux abbandunati; mixħutin mal-art, iżda mhux meqrudin. Dejjem inġorru f’ġisimna l-mewt ta’ Ġesù, sabiex il-ħajja ta’ Ġesù wkoll tkun immanifestata f’ġisimna!” (2 Korintin 4:8-10).

Tumas t’Akwino għandu perspettiva konservattiva imma denja tkun ikkonsidrata nkwantu l-kuraġġ. Jgħid: “L-att prinċipali tal-kuraġġ hu meta tissaporti u tirreżisti l-perikli b’fermezza aktarx milli tattakkahom.” Qisu l-istess strateġija ta’ ġensna matul l-Assedju l-Kbir – inħallu l-Ġannizzri u l-Ispaħin jaħbtu għalina; kull meta jersqu, inkunu lesti għalihom, minn wara s-sigurtà tas-swar godlija. Jekk dan hu minnu, il-kuraġġ veru u l-korteżija dejjem imorru id f’id. Issib allura li n-nies l-aktar kuraġġjużi huma dawk li jaħfru bla ma jkewtlu, u huma dejjem ansjużi biex jevitaw il-battibekki u t-tilwim ta’ kull xorta. 

Talba: “O Missier, b’Ibnek uniġenitu għandna kuraġġ ta’ sur. Seddaqna, mela, f’dan l-arti, illi nkunu nafu f’liema direzzjoni mmorru, ma’ min u sakemm. Ikunx fosk it-temp jew bnazzi, mirjieħ jew kalm, huwa irrelevanti, għax int tiċċirkondana bl-imħabba fidila u tenera tiegħek. Ħalleluja! Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...