Skip to main content

Komunjoni m'Alla Trinità

“Pietru, appostlu ta’ Ġesù Kristu, lill-għorba tad-djaspora fil-Pontu, il-Galazja, il-Kappadoċja, l-Asja u l-Bitinja, il-magħżulin skont l-għarfa minn qabel t’Alla l-Missier, bit-taqdis tal-Ispirtu, għall-ubbidjenza lejn Ġesù Kristu u t-traxxix ta’ demmu: il-grazzja u s-sliem ikunu mmultiplikati lilkom. Imbierek ikun Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu! Skont il-miżerikordja kbira tiegħu tana twelid ġdid għal tama ħajja permezz tar-resurrezzjoni ta’ Ġesù Kristu mill-imwiet, għal wirt inkorruttibbli, mhux ikkontaminat u ma jidbielx, riżervat fis-smewwiet għalikom, li qed tkunu protetti mis-setgħa t’Alla permezz tal-fidi għal salvazzjoni lesta biex tkun irrivelata fl-aħħar żmien” (1 Pietru 1:1-5).

Il-Kristjan hu neċessarjament wemmien f’Alla wieħed, li hu tliet persuni: il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Biex ikun spiritwalment b’saħħtu, ma jistax jaffordja illi jonqos minn relazzjoni bilanċjata ma’ Alla Trinità. 

Jekk jittraskura lill-Missier jitlef il-fokus fuq l-istaljati illi jippreskrivi u d-dixxiplina paterna tiegħu. Konsegwentement il-Kristjan isir wild imħajjem u għażżien, iċċentrat fuqu nnifsu u instabbli. Jagħmel għajb lill-Missier, is-sors ta’ kull barka tiegħu.

Jekk jittraskura lill-Iben, il-meditazzjoni tiegħu ma tibqax fuq it-tpattija tas-salib li biha għandu s-sliem u l-ħajja. Jinsa li fuq il-leminija tal-Maestà fl-ogħla smewwiet għandu sommu saċerdot jirrappreżentah, u interċessur jidħol għalih kull mument. Ma jibqax fuq l-allert għall-parusija, jew miġja, glorjuża tiegħu fl-aħħar jum. Bla ma jinduna jiżżerżaq lura f’għadira ta’ legaliżmu, ir-reliġjon naturali tal-bniedem.

Jerġa’, jekk iwarrab lill-Ispirtu s-Santu jkun qed jitlef it-tgawdija tiegħu ma’ Kristu Sidu. Hu l-Ispirtu li joħloq din ix-xirka; hu l-Ispirtu li jġeddu; hu l-Ispirtu li jassigurah u jevoka fih radd il-ħajr; hu l-Ispirtu li jfornih bil-qawwa biex iservi bla ma jiżloq fil-formaliżmu; hu l-Ispirtu li jżommu ħieles minn reliġjon ta’ aspirazzjoni u perspirazzjoni mingħajr la ispirazzjoni u lanqas trasformazzjoni.

Talba: “O Alla Trinità, int tgħammar fil-għoli, merfugħ u eżaltat infinitament, u frattant titbissem fuq l-umli u l-ġwejjed. Ħa jiddi dawl wiċċek fuqna. Ħa tkun il-grazzja ta’ Sidna Kristu fuqna; ħa nitgħawmu f’imħabbet il-Missier; ħa nirrelataw u ngawdu komunjoni flimkien miegħek bl-operazzjoni tal-Ispirtu s-Santu.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

O Alla, Inqimek u Nadurak

“Għaldaqstant, neħħu kull ħmieġ morali u ħażen tant prevalenti, u bil-manswetudini ilqgħu l-kelma mħawla fikom, li kapaċi ssalva erwieħkom. Imma siru għammiela tal-kelma, u mhux sempliċement semmiegħa, altrimenti tilludu lilkom infuskom. Għax jekk xi ħadd hu semmiegħ tal-kelma u mhux għammiel, dan donnu raġel li jikkonsidra l-wiċċ naturali tiegħu f’mera: appena ħares lejh innifsu, telaq, u malajr nesa liema speċi ta’ persuna kien. Imma min jittawwal b’attenzjoni fil-liġi perfetta, il-liġi tal-libertà, u jkompli fiha, mhux isir semmiegħ li jinsa iżda jpoġġiha fil-prattika, dan se jkun imbierek f’għemilu” (Ġakbu 1:21-25). Prijorità numru wieħed: nitgħallem insir qejjiem. “Adoro Te.” Hi ċentrali, u kollox suppost jirrivolvi magħha, bħalma l-pjaneti jduru max-xemx. Attwalment mhuwiex hekk. Għad hemm x’wieħed jaqdef. Sakemm nibqgħu naduraw xogħolna b’tant impenn, u naħdmu b’tant serjetà fil-logħob tagħna, il-probabbiltà tkun li nibqgħu nilagħbu fil-qima tagħna. Frattant Alla Tr...