Skip to main content

Jien Nissemma b'Ismek

“O Mulej, inti taf; ftakar fija, u ħu ħsiebi. Agħmel vendetta għalija minn dawk li jippersegwitawni; tneħħinix minħabba fis-sabar tiegħek. Kun af li jien minħabba fik mgħajjar. Hekk kif sibt kliemek, blajtu; u kelmtek kienet għalija ferħ u għaxqa ta’ qalbi; għax jien nissemma b’ismek, o Mulej, Alla tal-eżerċti. Ma qagħadtx fil-laqgħa tal-ferrieħa, u lanqas fraħt; qgħadt waħdi għax idek kienet fuqi” (Ġeremija 15:15-17). 

O li kieku mhux biss nisimgħu, naqraw, nimmarkaw u nitgħallmu, iżda fil-ġewwieni tagħna niddiġerixxu l-Iskrittura Mqaddsa ħalli nobduha! Appena l-Mulej jibda jittratta mal-midneb biex iqarrbu lejh, jurih l-ewwel nett il-qagħda miskina tiegħu, midneb ikkundannat, imbagħad jurih l-eċċellenza ta’ Kristu Ibnu u s-suffiċjenza tas-sagrifiċċju mitmum tiegħu għall-maħfra. Ikompli biex jagħtih id-don tal-indiema biex jitlaq l-idoli tiegħu u jħaddan lil Kristu, it-tama unika għal ruħu. Iva, jibda jistma l-Iskrittura, il-Kelma li ħarġet minn fomm Alla, bħala l-ikel kwotidjan tiegħu. Id-dottrini tal-grazzja jsiru għalih l-hena u l-feliċità kollha ta’ qalbu. 

Ħa nagħtu glorja lir-Ragħaj il-kbir tagħna! Isib in-nagħaġ tiegħu, imferrxa u mġewħa, ipperikolati fuq il-muntanji ħawlija u l-wileġ għerija. Bl-għasluġ u l-ħatar tiegħu imexxihom lejn il-mergħat iħaddru tal-evanġelju. Jitmagħhom bil-grazzja, isostnihom bl-imħabba eterna tiegħu. Iżommhom skont il-fedeltà infallibbli tiegħu. Huma, daparti tagħhom, jistgħu jeħduha kontra l-patt; hu qatt u qatt ma jikser il-patt magħhom. Jindokrahom, jagħtihom li jimteddu u jistrieħu maġenb l-ilmijiet ta’ serħan, fis-sliem u t-tgawdija ta’ maħfra u ġustifikazzjoni. Iwegħidhom illi jibqgħu jgħammru f’daru l-jiem kollha, issa u fl-eternità. 

Talba: “Mulej setgħani, l-arranġament tiegħek magħna jtellagħlna lil ruħna f’konfort ineffabbli; jimmiljora l-feliċità spiritwali tagħna. Ħa nkunu kapaċi nagħtu testimonjanza quddiem in-nies illi aħna nissemmew b’ismek, o Mulej, Alla tal-eżerċti! Biss ħa nagħmlu dan, mhux bil-ħila tagħna, mhux bis-saħħa umana, iżda bl-Ispirtu tiegħek.” 

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...