Skip to main content

Alla hu Ħanin

“Nirringrazzja ’l Kristu Ġesù Sidna, li għamilni setgħan, għax ikkonsidrani fidil u appuntani f’das-servizz, avolja darba kont midgħi u persekutur u insolenti. Frattant sibt ħniena għax aġixxejt bl-injoranza u fl-inkredulità; il-grazzja ta’ Sidna tfawret fuqi, bil-fidi u l-imħabba li huma fi Kristu Ġesù. Affidabbli l-affermazzjoni u jistħoqqilha aċċettazzjoni sħiħa, illi Kristu Ġesù ġie fid-dinja biex isalva l-midinbin – li fosthom jien l-ewlieni. Iżda minħabba f’hekk sibt ħniena sabiex fija, l-ewlieni, Kristu Ġesù juri l-paċenzja kollha tiegħu bħala eżempju għal dawk li għandhom jemmnu fih għall-ħajja eterna. Issa lis-Sultan etern, immortali, inviżibbli, l-uniku Alla, ikunu unur u glorja għal dejjem ta’ dejjem. Ammen” (1 Timotju 1:12-17).

Il-ħniniet t’Alla huma innumerabbli, ħniniet kemm ordinarji kif ukoll straordinarji. Għax Alla jissupplixxi n-neċessitajiet komuni tagħna, kif ukoll jagħnina bi provvista rimarkevoli li irregolarment nirċievu minn idejn Alla. Faħħru u thenna fih, mhux biss għal xi ħniena mhux mistennija, lil hinn mill-istħajjil tiegħek, dik il-ħniena li kulħadd kapaċi josservaha u jinnotaha, iżda esprimi r-rikonoxximent tiegħek għall-miżerikordji kwotidjani, tas-soltu, abitwali. Tiktibx barkietek fl-ilma, u l-afflizzjonijiet tonqoxhom fl-irħam. 

Dawn il-ħniniet komuni nirċevuhom bl-irfus, u ma jmissniex ingawduhom mingħajr ma nkunu konxji tagħhom quddiem Missierna, li l-grazzja tiegħu hi multivarjegata. David jgħidlu, “O Alla, kemm hu kbir l-għadd tagħhom! Kieku kelli ngħoddhom, huma iżjed mir-ramel.” X’inhu eħfef minn partiċella ta’ ramla, li bilkemm taraha fuq il-pala t’idek. U frattant x’inhu itqal mir-ramel fuq l-ispjaġġa? Flimkien, il-ħniniet komuni mill-id providenzjali t’Alla jegħlbuna bl-iskantament – jekk għandna għajnejn biex jaraw. Benestant juri wisq aktar ħniena meta jżomm tallab jiekol miegħu s-sena kollha, milli meta jorganizza tratteniment darbtejn jew tliet darbiet fis-sena.

Ħa nieħdu nota tal-ħniniet, iva, kbar jew żgħar – mingħajr ma ninsew lil Alla tal-ħniena. Pietru ħallielna did-dossoliġija: “Imbierek ikun Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu! Skont il-miżerikordja kbira tiegħu tana twelid ġdid għal tama ħajja permezz tar-resurrezzjoni ta’ Ġesù Kristu mill-imwiet, għal wirt inkorruttibbli, mhux ikkontaminat u ma jidbielx, riżervat fis-smewwiet għalikom,” (1 Pietru 1:3-4). 

Pawlu sikwit jinfexx f’lodi spontanju lil Alla: “Imbierek ikun Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu, Missier il-mogħdrijiet u Alla ta’ kull faraġ, li jfarraġna fl-afflizzjoni kollha tagħna” (2 Korintin 1:3-4). 

L-għotjiet benevolenti u ġenerużi t’Alla qatt ma ntogħmuhom tant ħelwin daqs meta jfakkruna dwar is-Salvatur. Ingħad dwar Sokrate illi kien japprezza aktar wiċċ is-sultan milli l-munita bix-xbieha tas-sultan. Dan messu jkun realizzat minn kull qalb Kristjana.

Talba: “Nirrealizza, Missier smewwieti, illi r-relazzjoni bejnietna hi msejsa mill-bidu sat-tmiem fuq il-ħniena tiegħek, murija fil-patt ratifikat minn Ibnek meta ta lilu nnifsu bħala sagrifiċċju biex dnubieti jiġu kanċellati. Tħallini qatt nabbuża minn din il-wirja stupenda ta’ miżerikordja kontinwa lejja. Aktarx, ħa nkun motivat biex inħobbok b’qalbi kollha.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Is-Solitudni

“Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: waqt biex titwieled u waqt biex tmut; waqt li tħawwel u waqt li taqla’ l-imħawwel; waqt li toqtol u waqt li tfejjaq; waqt li tibki u waqt li tidħaq; waqt li tagħmel il-vistu u waqt li tiżfen; waqt li tarmi l-ġebel u waqt li tgeddes il-ġebel; waqt li titgħannaq u waqt li titbiegħed mit-tgħanniq; waqt li tfittex u waqt li titlef; waqt li terfa’ u waqt li tarmi; waqt li tqatta’ u waqt li tħit; waqt li tiskot u waqt li titkellem; waqt li tħobb u waqt li tobgħod; waqt ta’ gwerra u waqt ta’ sliem” (Ekkleżjażti 3:1-8). Is-solitudni, bħal-lupi bir-ragħwa f’ħalqu, tissajja fid-dellijiet tal-avversità, lesta biex taqbeż fuqi. Jgħidu fjakkola mkebbsa tgerrex lil-lupu u ma jersaqx lejk. Jheddek, imma jibqa’ distakkat. Il-fjakkola hi biss il-komunjoni li nista’ mmantni kostantement, bla interruzzjoni, mal-Missier. Imma rrid inżommha f’idi, mhux nitlaqa’ quddiem l-għarix. U nieħu ħsiebha, mhux nittraskuraha.  Inġerragħ is...