Skip to main content

Tentazzjoni

“Għakan wieġeb lil Ġożwè, u qallu: ‘Tassew, jien dnibt kontra l-Mulej, Alla ta’ Iżrael, u dan hu kollu kulma għamilt. Xħin rajt fost il-ħwejjeġ maqbudin mantar sabiħ ta’ Singħar, u mitejn xekel tal-fidda u virga tad-deheb tiżen ħamsin xekel, jien xtaqthom, u ħadthom; u ara, huma qegħdin moħbijin fl-art, f’nofs it-tinda tiegħi, u l-fidda qiegħda taħthom’” (Ġożwè 7:20-21).

Meta Satana jassalta jipprova jagħmel kwalunkwe ħaġa fil-għajn tidher bħala pjaċir, qliegħ, u sodisfazzjon ħelu għal xewqatna. Hemm ukoll l-għadab, ġudizzju, turment u t-tinġiża fil-kuxjenza li jappartienu mat-tiġriba. Dawn jaħbihom; importanti illi ma narawhomx. Il-ħaxix aħdar iħajjarna nimxu matul il-mogħdija li twassal għall-ispiera. Kieku t-tentazzjoni tidher bħala tentazzjoni, id-dominju tad-dlam ma jkunx daqshekk popolat. 

Kieku Għakan seta’ jara minn qabel il-ħaġar garat lejn nagħsu ma kienx imidd idu fuq l-oġġetti misħuta. Kieku David seta’ jduq minn qabel l-għali tal-għadam misħuq tiegħu qabel ma resaq fuq Batseba, dawk l-aspersjonijiet tad-demm u l-konkupixxenza ma kinux jiġrulu. Huwa biss wara li nfattruha illi għajnejna jinfetħu, bħalma nfetħu tal-ewwel ġenituri tagħna meta daqu l-frotta projbita. L-Iskarjota kien għami sakemm tradixxa lill-Imgħallem; kien biss wara illi ra l-orrur veru tal-att viljakk tiegħu. 

Tattika oħra tat-tentatur il-kbir tidher ċivili u raġunevoli. Jilgħabha taparsi se jikkuntenta b’nofs qalbna. Frattant nafu d-domanda t’Alla, “Agħtini qalbek.” Mhux nofsha, iżda l-qalb kollha, esklussivament. Alla, li għamilna għalih innifsu, bir-raġun jikklejmja t-totalità tal-fakoltajiet tagħna, l-intier ta’ ruħna u ġisimna. Ma jikkuntentax b’inqas minn hekk, u jekk ma jikkuntentax hu, impossibbli nkunu kuntenti aħna. Imma din hi korsa makakka adottata mill-avversarju tagħna: jaf illi jekk jikseb kwalunkwe parti minn qalbna, Alla ma jkollu xejn, u hekk il-qalb sħiħa taqa’ bħala sehmu. 

Talba: “Appena nqisu sewwa, Mulej, nintebħu malajr kemm tabiħaqq qalbna jeħtieġ tkun indiviża lejk. Tina grazzja nafdaw fik kontinwament, o Alla tagħna, Ħallieq u Salvatur tagħna; ħa jkun moħħna u qalbna miftuħin għal kulma wassaltilna permezz tal-profeti tiegħek, u speċjalment b’Ibnek Ġesù.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...