Skip to main content

Mis-Sebħ Infittxek Jien

“O Alla, int Alla tiegħi; mis-sebħ infittxek jien. Ruħi għatxana għalik; laħmi mxennaq għalik f’art niexfa u maħruqa fejn m’hemmx ilma. Għalhekk ġejt narak fis-santwarju, biex nara s-setgħa u l-glorja tiegħek. Għax it-tjieba tiegħek hi aħjar mill-ħajja; xofftejja jfaħħru lilek. Għalhekk inbierkek sakemm indum ħaj; ngħolli jdejja f’ismek. Ruħi tixba’ bil-mudullun u s-simna, u fommi jfaħħrek b’xofftejn ferħana” (Salmi 63:1-5).

Meta Alla jmissek, imqar b’tgħarrixa, il-kuntatt divin jibqa’ jivvibra u ma jħallikx bi kwietek. Il-fidil, imqajjem u mgħajjex bil-grazza, issa għandu interess fil-ħwejjeġ fuqanija; l-ansjetà tiegħu hi illi jiskopri l-volontà tas-sema biex jinkorporaha fih, ħalli r-rieda fjakka tiegħu tinxtorob fir-rieda suprema. 

It-tali desiderju għall-gwida hu għelm inkonfutabbli ta’ saħħa u vitalità spiritwali. Min ma jafx fejn wasal ftit jimportah x’għad fadallu xi jterraq quddiemu. Kristjan galbat irid jogħġob lil Sidu. Ħajtu ħadet żvolta radikalment differenti meta kien imwelled għat-tieni darba, fil-ġuf tal-imħabba divina. Issa, ħlejqa ġdida, iħobb l-ubbidjenza u jsib hena filli jsegwi intimament wara l-Imgħallem li ħatru u sejjaħlu. L-istess ħsieb illi joffendi lil min ġabru u naddfu jqisu b’orrur. 

Fuq kollox jippjana biex kull mossa, kull ħsieb u kull kelma tkun konformi għar-rieda divina, dik ir-rieda tajba u aċċettabbli. Aktar ma jimmatura aktar jaspira għal mixja eqreb ma’ Sidu. Il-Kelma ma tibqax tissodisfah meta japprowċjaha akkademikament; hi l-Kelma li ħarġet minn fomm Alla, li ssostnih u turih it-triq. 

Talba: “Mulej, Alla tagħna, aħna doqna u rajna kemm tabilħaqq int ħelu. L-istess ħsieb tiegħek jimlina b’għaxqa u ammirazzjoni, b’qima u adorazzjoni. Min hu bħalek, o Jaħwe, fost l-allat? Min kapaċi jitqabbel miegħek, kbir fil-qodos, tal-biża’ fit-tifħir, tagħmel l-għeġubijiet?”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...