Skip to main content

Mexxini Int

“Ma tkellimtx bil-moħbi, f’post mudlam tal-art; ma għidtx lil nisel Ġakobb, ‘Tfittxuni għalxejn!’ Jien, il-Mulej, nitkellem is-sewwa; ngħarraf dak li hu rett! Inġemgħu u ejjew: ersqu lkoll, intom li ħrabtu mill-ġnus; m’għandhomx tagħlim dawk li jerfgħu l-idoli tagħhom tal-għuda, u talbu ’l alla li ma jistax jgħin. Għidu, u ressqu l-każ tagħkom; iva, ħa jiftiehmu wkoll flimkien! Min ħabbar dan mill-qedem? Min għarrfu dan żmien ilu? Mhux jien, il-Mulej? U m’hemmx Alla ieħor għajri; Alla ġust u Salvatur. Ħadd m’hemm għajri. Duri lejja, u tkun salvati, truf kollha tal-art, għax jien Alla, u m’hemmx ieħor għajri” (Isaija 45:19-22).

Ninsabu bbombardjati b’xelta vasta f’kull qasam. Jekk tirfes ġo supermarkit issib l-istess prodott imgeżwer f’għaxar kratas differenti. Jekk trid tixtri ġlekk, l-istil, l-ilwien u l-marki huma interminabbli. Iċ-ċiviltà tatna bl-irfus, u fl-istess ħin ħawditna. Hi reazzjoni naturali illi nfittxu xi tip ta’ għajnuna biex nieħdu deċiżjonijiet sensibbli. Fi ħwejjeġ aktar piżanti, in-nies jikkonsultaw il-guru, il-kjaroveġġent, l-oroskopju, il-kunsillier professjonali, il-palmista u l-astrologu. Kulħadd għandu bastun fuqxiex iserraħ. 

Il-Kristjan ma jarmix il-parir mingħand il-ġenituri jew il-pastor jew ħabib fdat u matur fil-fidi. Frattant, jekk hu riżolut filli ma jitlifx mill-ħajja abbondanti mwiegħda lilu, iħares lil hinn mill-għoljiet, minn fejn tasallu l-assistenza. Jaf li Missieru mill-qedem ma tkellimx fis-sigriet, minn xi lok f’art id-dlam. Mingħandu jistrieħ b’konfidenza illi jirċievi kelma vera, sewwa u retta. 

Japprezza l-wegħda ta’ direzzjoni divina. Nies li terrqu qablu fil-mogħdija tal-qdusija ħallew diversi testimonjanzi illi Alla tabilħaqq imexxina b’għajnejh. Għalihom Alla hu reali; hu tabilħaqq traxxendenti iżda mhumiex miftumin minnu. Jiddependu fuqu. Mhuwiex lant mela narmi l-offerta. Alla interessat fija aktar milli jien interessat f’ġidi u kulma hu għażiż għalija. 

Talba: “Missierna, fil-kumplikazzjoni u l-kumplessità kollha tal-ħajja, aqbdilna idna u mexxini int. Nirrealizzaw illi m’għandniex jedd fuq triqtna, u lanqas mhu fina biex immexxu passina stess. Ħajjarna dejjem nistaqsu fuq il-mogħdijiet ta’ dari, fejn hi t-triq t-tajba, biex nimxu fiha, u nsibu l-irpoż spiritwali tagħna. F’ġieħ Ibnek Ġesù. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...