Skip to main content

Lejn l-Unità fil-Fidi

“F’dawn id-direttivi li ġejjin ma nfaħħarkomx, għax tinġabru flimkien mhux għall-aħjar iżda għall-agħar. L-ewwel nett, nisma’ li meta tinġabru flimkien bħala knisja, jeżistu diviżjonijiet fostkom, u parzjalment nemmnu dan. Infatti jeħtieġ ikun hemm fazzjonijiet fostkom sabiex l-approvati minn Alla jsiru manifesti fostkom” (1 Korintin 11:17-19).

Mhux faċli tidentifika lilek innifsek ma’ moviment, li għalkemm mondjali fil-firxa, jagħti impressjoni ta’ kontradizzjonijiet, dissens u nuqqas ta’ fehma u unità. Imma Alla jaf jumiljana, u kulħadd għandu l-għan tiegħu. Fl-aħħar mill-aħħar, il-bini tal-knisja hu xogħol għadu għaddej, mhuwiex lest. Għadna qegħdin nikbru biex korporalment insiru bħal raġel fl-aħjar ta’ żmienu, fil-fidi, fl-imħabba, fil-għaqda fraterna. Min qal li wasalna?

M’inix b’daqshekk qed niskuża l-firdiet u n-nuqqas ta’ qbil dottrinali. Altru! Dawn ir-realtajiet idejquna u jiskormentawna. Denominazzjonijiet għandna aktar minn biżżejjed, u jkun dnub waħħaxi taqsam il-ġisem mistiku ta’ Kristu sempliċement għax hemm tebgħa fih. 

Imma rrid nagħmel punt ieħor: aħjar tissaporti d-diviżjonijiet milli tgħammar f’unità organizzattiva mingħajr il-verità sħiħa tal-evanġelju! U l-firda hi preferibbli għall-kunsens fil-ħażen. Simeon u Levi qatt m’għamlu agħar milli meta kienu l-aħjar fl-istess fehma. 

Idealment ingawdu unità fl-imħabba u l-verità, bla kompromessi. Hu standard għoli. Fil-qagħda preżenti tagħna hi mira li jmissha tumiljana. Kieku tabilħaqq naraw lil Alla, u l-Ġenna u l-Infern quddiemna, effettivament id-differenzi bejnietna jkunu rikonċiljati f’qasir żmien, u nesperjenzaw tifjiq għall-eżasperazzjonijiet u dissens li xejn ma jesprimu x-xirka tal-qaddisin. L-abbondanza ta’ kontroversji, il-maġġor parti minnhom fuq il-ħmerijiet, isibu s-soluzzjoni tagħhom. 

Bħalma mad-daħla tal-għalliem l-istudenti mqarbin jiddesistu ħesrem mill-ġlied, hekk id-dehra t’Alla tbeżżagħna u timmotivana adegwatament biex tabilħaqq niskopru fehmtu fl-Iskrittura, mhux l-istinazzjoni ta’ moħħna, u flok tolleranza bejnietna jkollna mħabba ġenwina. 

Talba: “O Alla, int Alla tal-ordni u s-sliem, mhux tal-konfużjoni. Agħti lilna wliedek illi nieqfu sħiħ fi spirtu wieħed, b’fehma waħda nikkumbattu flimkien għall-fidi tal-evanġelju, bla ma nkunu intimidati mill-opponenti tagħna. Għaqqadna viżibbilment f’ġisem wieħed; fejjaq il-firdiet u x-xiżmi, f’ġieħ Ibnek Ġesù.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...