Skip to main content

Is-Sultan tal-Knisja

“Minħabba f’David, il-qaddej tiegħek, la twarrabx wiċċ il-midluk tiegħek. Il-Mulej ħalef fis-sewwa lil David; hu ma jerġax lura mill-ħalfa tiegħu. ‘Mill-frott ta’ ġismek inqiegħed fuq it-tron tiegħek. Jekk uliedek iħarsu l-patt u x-xhieda tiegħi li jien ngħallimhom, uliedhom ukoll joqogħdu fuq it-tron tiegħek għal dejjem.’ Għax il-Mulej għażel lil Sijon; hu xtaqha b’għamara tiegħu” (Salmi 132:10-13). 

Storikament, is-salm hu għajta lill-Mulej biex ibierek id-dixxendent ta’ David (Salamun jew xi sultan sussegwenti) li kien qed jirrenja fuq it-tron. 

Alla wiegħed lil David li nislu jsaltan warajh. Għalkemm il-linja kienet interrotta minħabba d-diżubbidjenza umana, il-wegħdi divini ma sfawx frustrati. Xorta waħda seħħew fi Kristu, l-iben il-kbir ta’ David, li jwettaq il-patt. 

Mhi ebda sorpriża li l-knisja bikrija fehmet das-salm messjanikament, kif allura jeħtieġ nagħmlu aħna wkoll. Ġesù “jkun kbir, u jissemma Bin l-Ogħla, u l-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru” (Luqa 1:32). Għaldaqstant das-salm hu talba tal-knisja biex il-Missier “jiftakar f’David (Kristu) u fl-afflizzjonijiet kollha tiegħu.” Alla jsalvana fuq il-merti tat-tbatijiet ta’ Ibnu l-għażiż, il-midluk tiegħu. Il-Kalvarju hu tifkira eterna; il-Ħaruf narawh fuq it-tron t’Alla fis-smewwiet. Aktar minn hekk, hu l-kawża meritevoli tal-barkiet spiritwali li rċevejna minn fuq. “Minħabba f’David” iżommna quddiemu; ma jitwarrabx minna. Il-qagħda tagħna hi sikura quddiem it-tron smewwieti minħabba l-rappreżentant u l-garanti divin tagħna. 

Talba bħal din, fondata fuq il-medjazzjoni infallibbli ta’ Kristu Ġesù, ma tistax tonqos li tkun mismugħa. Alla ċertament jonoraha. Dan għaliex Kristu wera żelu uniku għal dar il-Missier, għall-qima u l-ġieh tiegħu. Il-leħħa, il-ħeġġa u l-impenn ta’ David, bin Ġessi, kienu biss antiċipazzjoni tal-konsagrazzjoni assoluta ta’ Kristu għall-kawża tal-Missier. Il-Missier iħobb u jitgħaxxaq f’Ibnu, u ladarba aħna f’Ibnu, jitgħaxxaq bina l-fidili tiegħu. Minħabba fi Kristu nbdiet dinastija, saltna ta’ qassisin qaddisin, għax il-Missier, bl-Ispirtu tiegħu, iddetermina li jkollu għamara fuq l-art ħalli hekk isib il-mistrieħ.

Jekk niesu jsibu rpoż fi ħdan il-Mulej, hekk il-Mulej għandu l-mistrieħ tiegħu fil-knisja. Hemm jgħammar, għax xtaqha. 

Talba: “O Alla, kien l-għan etern tiegħek li tkabbar il-ħakma u l-qawwa t’Ibnek fuq l-art, ċoè, il-knisja tiegħek. L-għażla ħielsa u sovran tiegħek mhijiex invenzjoni reċenti. Il-patt tiegħek ma’ Sijon hu msejjes fuq l-għażla tiegħek. Infaħħruk u nberkuk, għax hi għażla riżolta f’dak li għoġob lilek, skont xewqtek, bla ħadd ma tak parir.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...