Skip to main content

Suffiċjenza fi Kristu Waħdu

“Mela, billi għandna sommu saċerdot kbir li għadda mis-smewwiet, Ġesù Bin Alla, ħa nżommu ferma l-istqarrija tal-fidi tagħna. Għax m’għandniex sommu saċerdot li mhux kapaċi jissimpatizza ma’ dgħufijietna, imma wieħed li bħalna ġġarrab f’kollox - frattant mingħajr dnub. Ħa nersqu mela bil-kunfidenza lejn it-tron tal-grazzja, sabiex nirċievu ħniena u nsibu grazzja għas-sukkors tagħna fi żmien opportun” (Ebrej 4:14-16).

Ftit huma dawk is-sudditi ta’ kwalunkwe sultan mondan illi għandhom permess jidħlu quddiemu liberament. Hu unur kbir, hekk kbir illi mhuwiex komuni. Għax is-swali u l-palazzi tal-monarki huma maħsuba biss għan-nobbli. Il-foqra u l-emarġinati, il-batuti u miżerabbli, il-karfa tas-soċjetà m’għandha ebda jedd tidher quddiem il-maesta tiegħu. 

Ja sudditi msejkna tas-Sultan tas-slaten, mhuwiex dan il-każ tagħkom! Is-Sultan etern, għalkemm dejjem fuq tron glorjuż, fejn il-maestà suprema tiddi bla tfixkil, liberament jagħti grazzja u ħniena lill-erwieħ fil-bżonn. Mistednin tersqu; ejjew bil-kunfidenza. 

Għaliex? Jaqaw għax il-fidili huma għonja, nobbli, sinjuri u illustri? Jaqaw għax għandhom b’xiex ixaħħmu? Lanqas xejn! Is-Sultan jaf illi huma “foqra, miżerabbli, għomja u għarwiena.” Fihom infushom qatt ma jistgħu jaqilgħu aċċettazzjoni. Jistgħu jagħti l-aqwa prestazzjoni possibbli, u xorta waħda ma jimmeritawx milli jersqu. Jersqu biss għax motivati mill-imħabba tiegħu. Wiegħed li jagħtihom rikkezzi flok il-povertà tagħhom. Wiegħed li jfejqilhom l-għama tagħhom ħalli jaraw. Wiegħed li jlibbishom bis-sewwa tiegħu ħalli ma jkunux imriegħxa iżjed. Iva, wegħidhom il-Ġenna minflok l-Infern!

Dan kollu frott it-tbatijiet ta’ Ibnu. Hu waħdu pprokuralna l-aċċess. Mill-bidu sat-tmiem, nagħrfuh bħala l-garanti tagħna.

Talba: “Jekk infittxu s-salvazzjoni, o Missier, għallimtna illi tinsab f’Ibnek. Jekk infittxu doni oħra tal-Ispirtu, insibuhom fl-unzjoni tiegħu. Jekk infittxu s-saħħa, tinsab fid-dominju tiegħu. Jekk infittxu l-fidwa, tinsab fil-passjoni tiegħu. Jekk infittxu li nkunu lliberati, fil-kundanna tiegħu. Jekk infittxu emanċipazzjoni mis-saħta, insibuha f’salibu. Jekk infittxu l-purifikazzjoni, f’demmu. Jekk infittxu l-mortifikazzjoni tal-ħażen fina, f’qabru. Jekk infittxu t-tiġdid tal-ħajja, fir-resurrezzjoni tiegħu. Grazzi talli tajtna biex nixorbu mill-funtana tiegħu, u minn imkien iżjed. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...