Skip to main content

Nagħti Ħajti Għan-Nagħaġ

“Għalhekk Ġesù reġa’ qal, ‘Tassew, tassew ngħidilkom, jien hu xatbet in-nagħaġ. Dawk kollha li ġew qabli huma ħallelin u briganti, iżda n-nagħaġ ma semgħuhomx. Jien hu x-xatba. Jekk xi ħadd jidħol minni se jkun salvat. Jidħol u joħroġ, u jsib il-mergħa. Il-ħalliel ma jiġix ħlief biex jisraq u joqtol u jeqred. Jien ġejt sabiex ikollhom il-ħajja u jkollhom sal-milja tagħha. Jien hu r-ragħaj it-tajjeb. Ir-ragħaj it-tajjeb jagħti ħajtu għan-nagħaġ.’...Ġesù weġibhom, ‘Għidtilkom u ma temmnux. L-opri li jien nagħmel f’isem Missieri, dawn jixhdu dwari, iżda intom ma temmnux għax m’intomx min-nagħaġ tiegħi’” (Ġwanni 10:7-11,25-26).

Kristu wettaq fidwa partikolari, mhux, kif jassumu ħafna, fidwa ġenerali għall-umanità kollha indiskriminatament. Kieku hi fidwa għall-bnedmin kollha, hi biss fidwa teoretika, bla ma attwalment issalva lil kulħadd. Aktarx, kif jagħti prova konklużiva John Owen f’waħda mit-teżijiet ewlenin tiegħu, “Kristu miet għall-magħżulin kollha t’Alla.” Kristu sofra l-għadab divin li kien dovut lill-magħżulin minħabba dnubiethom. Mhux kulħadd hu salvat bil-mewt ta’ Kristu, imma dawk kollha salvati huma salvati bil-mewt ta’ Kristu. 

Hemm konkordanza ħelwa bejn il-ħidma tal-Missier u l-Iben għas-salvazzjoni tagħna. Ladarba l-Missier għażel lil dawn u mhux lil dawk għas-salvazzjoni, l-Iben ma jistax ikun li miet għal nies li l-Missier qatt ma ħatar għalih innifsu. Jekk il-Missier għażel xi wħud u mhux lill-oħrajn għall-ħajja eterna, allura jidher ċar li l-għan primarju tar-riparazzjoni ta’ Kristu kien illi jirbaħ lill-magħżulin għalih innifsu. 

Dan insostnuh fi qbil max-xhieda biblika. Nisimgħu kif Kristu ħabb lill-knisja, u ta lilu nnifsu għaliha. Kienet il-knisja t’Alla li huwa xtara b’demmu stess, mhux lill-umanità kollha. Kif asserixxa hu stess, Bin il-bniedem ġie biex jagħti ħajtu bħala riskatt għal ħafna (Mark 10:45), mhux għal kulħadd. U darb’ oħra jgħid: “Nagħti ħajti għan-nagħaġ,” mentri ftit wara, fl-istess kuntest jgħid lil xi semmiegħa tiegħu, “Intom m’intomx minn nagħaġ tiegħi.”

Hawn, mela, għandna punt ta’ diverġenza bejn il-Kalviniżmu u l-Arminjaniżmu. Il-Kalvinisti jgħidu li Kristu miet biex jagħmel is-salvazzjoni attwali u ċerta għan-nies magħżula tiegħu, filwaqt li l-Arminjani jgħidu li Kristu miet biex jagħmel is-salvazzjoni possibbli għal kulħadd. Il-Kalvinisti jillimitaw l-estensjoni tas-sagrifiċċju ta’ Kristu billi jgħidu li ma japplikax għal kull bniedem. L-Arminjani jillimitaw il-qawwa tal-istess sagrifiċċju; jgħidu li fih innifsu attwalment ma jsalva lil ħadd. Għall-Kalvinist ir-riparazzjoni mwettqa minn Kristu hi bħal briġġ dejjaq li jaqsam minn naħa għall-oħra tax-xmara. Għall-Arminjan hu briġġ kbir u wiesa’ li jwassal biss sa nofs ix-xmara. 

Mela ejja ma nemmnux l-evanġelju modern, li jgħid illi għandek ċans issalva. Jekk għandek ċans issalva għandek ukoll ċans ta’ dannazzjoni eterna. 

Kif jgħid J.I. Packer, “Ma nkunux rajna t-tifsira sħiħa tas-salib jekk ma nkunux rajnieh bħala ċ-ċentru tal-vanġelu, flankjat minn naħa waħda bl-inabbiltà totali tal-bniedem u l-għażla bla kondizzjoni t’Alla, u fuq in-naħa l-oħra bil-grazzja irreżistibbli u l-priżervazzjoni finali tal-fidili.”

Talba: “Mulej Ġesù, int Jaħwe li ssalvana u tiġborna fi ħdanek biex hemm insibu sigurtà eterna. Int il-Ħabbej tal-maħturin t’Alla li għalihom mitt biex tqaddishom u tnaddafhom bil-ħasil tal-ilma bil-Kelma. Int il-Ħellies suprem li tagħti ħajtek għal ħbiebek. Int ir-Ragħaj it-Tajjeb li tmidd ħajtek għan-nagħaġ tiegħek, biex issalvahom mill-qirda. Lilek nattribwixxu kull mertu, u mingħandek nirrikonoxxu li nirċievu kull barka. Ilqa’ t-tifħir ta’ fommna, u l-ubbidjenza tagħna lejk bħala s-Sid ġdid tagħna.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

O Alla, Inqimek u Nadurak

“Għaldaqstant, neħħu kull ħmieġ morali u ħażen tant prevalenti, u bil-manswetudini ilqgħu l-kelma mħawla fikom, li kapaċi ssalva erwieħkom. Imma siru għammiela tal-kelma, u mhux sempliċement semmiegħa, altrimenti tilludu lilkom infuskom. Għax jekk xi ħadd hu semmiegħ tal-kelma u mhux għammiel, dan donnu raġel li jikkonsidra l-wiċċ naturali tiegħu f’mera: appena ħares lejh innifsu, telaq, u malajr nesa liema speċi ta’ persuna kien. Imma min jittawwal b’attenzjoni fil-liġi perfetta, il-liġi tal-libertà, u jkompli fiha, mhux isir semmiegħ li jinsa iżda jpoġġiha fil-prattika, dan se jkun imbierek f’għemilu” (Ġakbu 1:21-25). Prijorità numru wieħed: nitgħallem insir qejjiem. “Adoro Te.” Hi ċentrali, u kollox suppost jirrivolvi magħha, bħalma l-pjaneti jduru max-xemx. Attwalment mhuwiex hekk. Għad hemm x’wieħed jaqdef. Sakemm nibqgħu naduraw xogħolna b’tant impenn, u naħdmu b’tant serjetà fil-logħob tagħna, il-probabbiltà tkun li nibqgħu nilagħbu fil-qima tagħna. Frattant Alla Tr...