Skip to main content

Gideb u Verità

“Min jaħbi l-mibegħda għandu xofftejn giddieba, u min joħroġ qlajja’ hu iblah...Xofftejn is-sewwa jżommu sħiħ għal dejjem, iżda lsien giddieb hu għal waqt wieħed. Ix-xofftejn giddieba huma abominazzjoni quddiem il-Mulej, iżda dawk li jagħmlu s-sewwa jogħġbuh. Xhud tajjeb isalva l-ħajjiet, iżda xhud falz jgħid il-gideb. Xhud qarrieq ma jgħaddihiex b’xejn, u min jitkellem bi-gideb ma jeħlishiex” (Proverbji 10:18; 12:19,22; 14:25; 19:5). 

Darba staqsew lil Aristotile, it-tutur ta’ Alessandru l-Kbir, x’jista’ jiggwadanja wieħed billi jgħid il-gideb. Weġibhom, “Illi ma jkunx emmnut meta jlissen il-verità.” Huwa ġieh meta wieħed ikun fdat u emmnut, sempliċement fuq is-saħħa u l-konsistenza tal-karattru integru tiegħu. 

Hekk stmawh lil Petrarka, il-poeta Taljan, meta kien imħarrek bħala xhud. Kif soltu jagħmlu, qabel beda dderiġewh biex jaħlef jgħid is-sewwa. Imma l-imħallef interviena. “Inkwantu int, Petrarka, il-kelma tiegħek suffiċjenti.” X’rispett għani jirċievu dawk li d-devozzjoni tagħhom lejn il-verità hi stabbilita!

Mit-tweġiba tal-filosfu Grieg nintebħu bil-bluha kif ukoll bil-ħażen tal-gideb. Kull bniedem f’kull żmien u f’kull post, teoretikament, ma jaħmilx il-gideb. Hi maħżuża fil-kuxjenza tagħna illi bħalma ma rridux min jidħaq bina lanqas aħna, mela, m’għandna ningannaw b’ħaddieħor. 

Kull ċiviltà u ġens għandu l-kastigi tiegħu biex irażżan il-gideb, għalkemm mhux kollha huma aċċettabbli jew konvenzjonali. Fis-saltna Asjatika ta’ Sijam, perkażu, min jinġiebu provi kontrih li hu giddieb inkorreġġibbli, iħitulu xofftejh!

Il-proverbji jiġbdu ħabel wieħed hawnhekk. “Giddieb jinqabad aktar kmieni minn magħtub,” jgħidu t-Taljani. “Il-giddieba jmisshom ikollhom memorji eċċellenti,” u, “Gidba m’għandhiex riġlejn,” jgħidu l-Ingliżi. 

Jekk wieħed ikun kisseb ċerta notorjetà għat-taħrif, ikun tilef il-qaleb u l-ġbejna mal-konoxxenzi tiegħu. Denade, meta indirizza lill-Atenjani, qal, “Insejjaħ lill-allat kollha biex jixhdu għall-verità ta’ kulma se ngħid.” L-Atenjani weġbuh, “U aħna nsejħu l-allat kollha biex jixhdu illi mhux se nemmnuk.”

Fl-estremità l-oħra, għandna rapporti minn inħawi oħra kemm nies oħra kapaċi jgħożżu u jintrabtu mal-verità. Insemmi każ wieħed, dwar lettur fis-seminarju fi Clermont, Franza, wara li kien maqbud f’Autun mill-popolin. Is-sindku xtaq isalvah, u tah parir biex ma jiħux il-ħalfa, iżda jippermettilu jgħid lin-nies illi ħadha. 

Il-ministru tal-vanġelu wieġbu, “Jekk tagħmel hekk, jien innifsi nikxef il-falsità tiegħek man-nies. M’għandi ebda permess nirriskatta ħajti b’gidba. Alla li jipprojbili nieħu din il-ħalfa ma jippermettilix nagħti l-impressjoni li ħadtha.”

Is-sindku siket, u l-lettur ingħata l-martirju. Biss xorta waħda l-verità tibqa’ potenti, u għad tegħleb. Allavolja l-verità rari tiffrankaha mingħajr wiċċ migruf, tibqa’ bint Alla. 

Talba: “Poġġejtna f’komunità, o Mulej, biex ngħammru flimkien u nassistu lil xulxin. Għinna, mela, inwarrbu l-gideb u diskors imħassar filwaqt illi nagħmlu kull sforz biex nitgħallmu nħobbu l-verità u nitkellmuha bejnietna. Naddfilna moħħna u saffielna fommna biex ir-relazzjoni bejnietna tissaħħaħ u tigglorifika lilek, Missierna fis-smewwiet.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Is-Solitudni

“Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: waqt biex titwieled u waqt biex tmut; waqt li tħawwel u waqt li taqla’ l-imħawwel; waqt li toqtol u waqt li tfejjaq; waqt li tibki u waqt li tidħaq; waqt li tagħmel il-vistu u waqt li tiżfen; waqt li tarmi l-ġebel u waqt li tgeddes il-ġebel; waqt li titgħannaq u waqt li titbiegħed mit-tgħanniq; waqt li tfittex u waqt li titlef; waqt li terfa’ u waqt li tarmi; waqt li tqatta’ u waqt li tħit; waqt li tiskot u waqt li titkellem; waqt li tħobb u waqt li tobgħod; waqt ta’ gwerra u waqt ta’ sliem” (Ekkleżjażti 3:1-8). Is-solitudni, bħal-lupi bir-ragħwa f’ħalqu, tissajja fid-dellijiet tal-avversità, lesta biex taqbeż fuqi. Jgħidu fjakkola mkebbsa tgerrex lil-lupu u ma jersaqx lejk. Jheddek, imma jibqa’ distakkat. Il-fjakkola hi biss il-komunjoni li nista’ mmantni kostantement, bla interruzzjoni, mal-Missier. Imma rrid inżommha f’idi, mhux nitlaqa’ quddiem l-għarix. U nieħu ħsiebha, mhux nittraskuraha.  Inġerragħ is...