Skip to main content

Għalfejn Tiskansa l-Ħażen?

“Dawk li jgħixu skont in-natura midinba jiffissaw ħsiebhom fuq ħwejjeġ in-natura midinba, imma dawk li jgħixu skont l-Ispirtu jiffissaw ħsiebhom fuq ħwejjeġ l-Ispirtu. Moħħ il-bniedem midneb hu l-mewt, imma l-moħħ ikkontrollat mill-Ispirtu hu ħajja u sliem. Il-moħħ midneb hu ostili għal Alla, għax mhux sottomess għal-liġi t’Alla, u lanqas tabilħaqq ma jista’ jkun. Dawk kontrollati min-natura midinba ma jistgħux jogħġbu ’l Alla. Imma intom m’intomx kontrollati min-natura midinba iżda mill-Ispirtu, jekk infatti l-Ispirtu t’Alla jgħammar fikom. U jekk xi ħadd m’għandux l-Ispirtu ta’ Kristu, dan ma jappartenix għalih. Imma jekk Kristu hu fikom, għalkemm il-ġisem hu mejjet minħabba d-dnub, l-ispirtu tagħkom hu ħaj minħabba l-ġustizzja” (Rumani 8:5-10).

Bħalma d-deheb ikun fih xi impuritajiet u frattant xorta jissejjaħ deheb, u bid-dritt, hekk il-mifdija jibqagħlhom xi fdal ta’ dnub, iżda t-toqol tal-karattru tagħhom ixaqleb deċiżivament lejn il-qdusija. In-nagħaġ m’għandhomx ħabta jitmiegħku fil-ħama, imma kultant jaqgħu f’xi gandott bil-ħama. Il-ħnieżer iħobbu jistaħmu fil-ħmieġ lejh u nhar. 

Hekk, mela, nifhmu kif Kristjan jista’ jogħtor, jitfixkel u anke jixkana mal-art, iżda jqum u jissokta miexi fil-mogħdija tal-indiema evanġelika. Ix-xeħta ta’ qalbu hi lejn is-sewwa. L-iskop ta’ ħajtu hu l-glorja tas-Salvatur tiegħu. L-ambizzjoni determinata tiegħu hi li jogħġbu f’kollox. Kultant jaqa’, iva, imma kollox ma’ kollox hu sinċier, u Alla jagħraf lil niesu b’isimhom. 

Ir-reprobati mhumiex hekk. Meta ġie li jiskansaw id-dnub, jiskansawh għal motivi ulterjuri, mhux għall-glorja t’Alla. Fil-karnalità tagħhom, kultant, għal xi raġuni jew oħra, ifarfru jdejhom mid-dnub, avolja qalbhom tixxennaq għalih. Ġie li jinfirdu minn xulxin, għax hekk jara li jaqbillu, iżda b’ebda ħsieb ta’ divorzju permanenti. It-tattika tagħhom tixbah lill-baħħara fl-antik meta jinqabdu f’xi maltempata qalila. Il-baħrin, kontra qalbhom, jaqbdu jarmu l-kargu l-baħar, biex iħaffu l-bastiment li ma jmorrux jiffondaw b’kollox. 

Il-ħżiena, meta jidħlu f’xi kriża orribbli, u quddiemhom għandhom biss prospett werwieri, jarmu d-dnub għax jafu li jkun id-disfatta tagħhom. Pereżempju, jekk jimirdu f’daqqa b’xi marda għall-għarrieda, u jaħsbu dwar il-mewt u l-Infern, jafu li jekk ma jħaffux il-bastiment, jergħqu. Għalhekk tarahom jarmu l-użura tagħhom, l-immoralità, id-dagħa, is-sokor, is-serq u t-tbixkil, mhux għax jistmerru l-vizzju, iżda għax iħobbu lilhom infushom. Kieku fil-kalkolu tagħhom jistgħu jkomplu fi dnubiethom u fl-istess ħin jeħilsu mill-marda, ma jinfirdux minnhom, bħalma l-baħrin ma jarmu xejn kieku jkunu persważi li ma jarawx il-qiegħ. Wara li jagħmlu l-operazzjoni u jgħaddilhom kollox, normalment jerġgħu lura għall-faħx ta’ qabel, bħall-kelb li jirritorna biex jilgħaq il-vomtu tiegħu stess. 

Ħadd ma jista’ jiddetesta d-dnub ħlief dawk li jħobbu l-liġi t’Alla. Bniedem naturali jista’ jirrabja għal dnubu – għax ikun riegħxu, neffqu ħafna flus jew żvantaġġjah milli jieħu promozzjoni – iżda mhux kapaċi jobogħdu. Jista’ għal xi żmien jagħtih il-ġenb, iżda ma jistmerrux. Kieku veru jistmerru, jistmerr kwalunkwe manifestazzjoni tad-dnub.

Talba: “Missier smewwieti, int għoġbok tħawwel fina dispożizzjoni ġdida, radikalment differenti minn dik preċedenti. Ikkonvertejtna lejk; tajtna pjaċiri u motivi ġodda. Għamiltilna ċ-ċirkonċiżjoni fi qlubna, biex tikkawżana nimxu fil-mogħdija tal-preċetti tiegħek. O kemm nixtiequ illi din il-ħidma ta’ grazzja tiegħek fina ssir iżjed u iżjed evidenti. Kompli sawwarna fix-xbieha ta’ Ibnek Ġesù. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Il-Mogħdrija

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu - tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja” (Kolossin 3:8-12).  Il-beninnità hi l-ispirtu ta’ trattament favorevoli, jew il-prattika kostanti u abitwali ta’ azzjonijiet amikevoli u benevolenti. Hemm żewġ prinċipji ewlenin fil-kostituzzjoni umana, li jwettqu serriegħa bla waqfien għall-predominanza: l-egoiżmu u l-benevolenza, jew il-beninnità. L-egoiżmu jikkonċentra s-sentimenti, ix-xewqat u l-azzjonijiet kollha fuq il-promozzjoni tal-benesseri i...

Diskors Bid-Dehen

“La taħsibx kif tagħmel il-ħsara lil għajrek huwa u qiegħed jgħammar bla biża’ miegħek. La tiġġieled ma’ ħadd għalxejn, jekk ma għamillek l-ebda deni. Ħu offiż hu aktar iebes biex jintrebaħ minn belt qawwija, u l-ġlied bejn l-aħwa qisu staneg ta’ kastell. Aħjar tgħammar f’rokna ta’ setaħ milli ma’ mara ġellieda f’dar kbira.” (Proverbji 3:29-30; 18:19; 25:24).  Matul l-Assedju l-Kbir fl-1565, il-qawwiet Ottomani tħabtu u ssieltu biex jirbħu lil pajjiżna taħt idejhom. Għalkemm kienu ferm aktar numerużi minna, it-Torok iġġieldu għalxejn għal erba’ xhur sħaħ. Il-bliet Maltin, fortifikati bis-swar u balwardi godlija, kienu virtwalment inespjunabbli. Hekk ukoll hu diffiċli tirbaħ lura l-ħbiberija ta’ ħu offiż. Anzi, dal-proverbju jwissina li hu aktar diffiċli tirbaħ lura lil ħuk milli tegħleb belt qawwija. Ma naħsibx li dan inkiteb biex naqtgħu qalbna milli nfittxu rikonċiljazzjoni f’waqtha. Jekk wieħed jistaqsi, x’inhi r-rikonċiljazzjoni? Hi t-tieni ħbiberija. Dan jibqa’ dmir...