Skip to main content

Dur Lura

“Tħabbeb m’Alla u jkollok is-sliem; b’hekk ikollok ir-risq. Ħu minn fommu, nitolbok, dit-tagħlima, u wettaq kliemu f’qalbek. Jekk int terġa’ lejn l-Omnipotenti, tkun irrestawrit. Jekk tbiegħed mit-tinda tiegħek il-ħażen, u tpoġġi dehbek fit-trab, u d-deheb ta’ Ofir fost iċ-ċagħaq tan-nixxigħat, imbagħad l-Omnipotenti jkun id-deheb tiegħek, u l-fiddi prezzjuża tiegħek” (Ġobb 22:21-25).

B’dal-kliem, Elifaż esprima verità grandjuża, li tiġbor fil-qosor ħafna passaġġi mill-Iskrittura. Jaqaw id-dnub għattnek u qed jifnik? Sirt qisek bini mġarraf? Jaqaw id il-Mulej ħarġet kontra tiegħek, tant li tinsab imfaqqar u miksur fl-ispirtu tiegħek? X’inhi dil-bluha li ġabet fuqek dat-tħassir? 

Mela l-ewwel ħaġa l’għandek tagħmel hi din: erġa’ lura lejn il-Mulej. Bi ndiema profonda u fidi sinċiera, sib triqtek lura. Irritorna għandu. Hu dmirek, għax dort u tlaqt bogħod minnu, erħejt lil Alla, li int għidt li qed taqdih. Dur lejh. Ikun l-għerf tiegħek, għax ma tistax teħodha kontrih u ssib ir-risq. Jeħtieġlek tindem immedjatament; tħallilx jiddixxiplinak. Filwaqt li għadu jistabar bik, irritorna għandu. 

Ara x’wegħda hawn, tistiednek! Tkun imsaħħaħ. Ħadd ħlief l-Omnipotenti ma jista’ jwaqqaf il-kolonni mwaqqa’ u jirrestawra l-ħitan imxaqqa tal-qagħda tiegħek. Jekk tirritorna lejh, dan jagħmlu bla dewmien. Titnikkirx. Tkomplix tirribella; stqarrija mill-qalb tigglorifika lil Alla, u sserrħek. Fidi umli tikkonslak. Agħmel dan, u kollox jiġi f’postu.

Talba: “Alla etern, għallimna nqisu u nevalwaw sewwa l-prijoritajiet tagħna, għax saltnatek hi aqwa minn kull renju u imperu ieħor. Għallimna nifhmu illi kulma hu transitorju ma nistgħux nikkomparawx ma’ kulma hu etern. Ikkonvinċina illi l-ħbiberija miegħek hi infinitament aħjar minn kull rabta jew relazzjoni oħra. Urina kemm it-tagħrif salviviku hu iprem minn kull kwestwa, xjenza, edukazzjoni jew sapjenza oħra, f’ġieħ Ibnek, li rrikonċiljana miegħek. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

O Alla, Inqimek u Nadurak

“Għaldaqstant, neħħu kull ħmieġ morali u ħażen tant prevalenti, u bil-manswetudini ilqgħu l-kelma mħawla fikom, li kapaċi ssalva erwieħkom. Imma siru għammiela tal-kelma, u mhux sempliċement semmiegħa, altrimenti tilludu lilkom infuskom. Għax jekk xi ħadd hu semmiegħ tal-kelma u mhux għammiel, dan donnu raġel li jikkonsidra l-wiċċ naturali tiegħu f’mera: appena ħares lejh innifsu, telaq, u malajr nesa liema speċi ta’ persuna kien. Imma min jittawwal b’attenzjoni fil-liġi perfetta, il-liġi tal-libertà, u jkompli fiha, mhux isir semmiegħ li jinsa iżda jpoġġiha fil-prattika, dan se jkun imbierek f’għemilu” (Ġakbu 1:21-25). Prijorità numru wieħed: nitgħallem insir qejjiem. “Adoro Te.” Hi ċentrali, u kollox suppost jirrivolvi magħha, bħalma l-pjaneti jduru max-xemx. Attwalment mhuwiex hekk. Għad hemm x’wieħed jaqdef. Sakemm nibqgħu naduraw xogħolna b’tant impenn, u naħdmu b’tant serjetà fil-logħob tagħna, il-probabbiltà tkun li nibqgħu nilagħbu fil-qima tagħna. Frattant Alla Tr...