Skip to main content

Xogħol Fejjiedi

“Għaddejt ħdejn il-għalqa ta’ wieħed għażżien, u ħdejn il-qasam tad-dwieli ta’ raġel bla dehen. U ara, kiber fiha kollha x-xewk, u l-ħorrieq għattielha wiċċha, u l-ħajt tal-ġebel imġarraf. Imbagħad ħarist u qgħadt nitħasseb. Minn dak li rajt sfali tagħlim: ftit tongħos, ftit torqod, ftit idejk marbuta biex tistrieħ. Imbagħad il-faqar tiegħek jiġi fuqek bħal ħalliel, u l-bżonn tiegħek bħal wieħed armat” (Proverbji 24:30-34).

Il-kittieb jiddeskrivi l-istorja ta’ wieħed bidwi, li bil-mod il-mod beda jnaqqas minn xogħlu, sakemm l-għalqa tiegħu saret żdingata u spiċċa fqir u fil-bżonn. It-tagħlima ċara kristall. Innota x’għamel l-awtur ta’ dal-proverbju. “Imbagħad ħarist u qgħadt nitħasseb. Minn dak li rajt sfali tagħlim.” Meta ra l-għalqa mitluqa qagħad jaħseb u tgħallem li l-faqar jiġi mill-għażż.

Hekk ukoll għandna nagħmlu aħna: nispiraw ruħna mhux biss mill-eżempju tajjeb ta’ ħaddieħor, iżda nirċievu twissija saħansitra mill-ħażin ukoll. Ħalli ma nkunux boloh u nużaw l-iżbalji ta’ Kristjani oħra biex niġġustifikaw dnubna. Ma ngħidux, “Fl-aħħar mill-aħħar, mhux hekk għamel dak? Mhux kulħadd jiżbalja?” Le, minflok nitgħallmu mill-iżbalji ta’ ħaddieħor biex ma nirrepetuhomx aħna. Ngħidu, “B'dispjaċir ninnota li dak il-Kristjan dineb. Ħa noqgħod b’seba’ għajnejn biex ma naqax bħalu jien ukoll!”

Għax f’belt ta’ nies għażżiena, nippretendu biss li nsibu djar delapidati, bil-persjani maqlugħa u bibien biż-żebgħa mqaxxra, soqfa joqtru u ħitan imxaqqa. Partijiet diversi tal-għamajjar tagħhom jimtlew bil-ġrieden u l-wirdien. L-imnadar u l-ġonna nsibuhom mitluqa. It-tfal ikunu mċerċra, inkallati u bi lsien laxk; l-iskola vojta; il-ħabs imbollat; il-knisja siekta; id-dvieren storbjużi; u l-mastrudaxxa u l-ħaddied jagħmlu x-xogħol prinċipali tagħhom fil-ħwienet tax-xorb. 

Xejn inqas ta’ għajb hu l-għażż lussurjuż. L-indolenza wkoll hi perikoluża ħafna għall-għonja, u dawk li ma jħossu ebda nuqqas f’dil-ħajja. Meta jintelqu għal-lassitudni, il-voluttà tegħleb ir-raġuni, u jaqgħu fin-nassa mortali u l-ingann tad-dinja. Jispiċċaw ivvalenati bi pjaċiri karnali u għaxqiet immorali, li wieħed jilgħaqhom għal staġun wieħed, iżda finalment jabbandunawhom fil-mistħija u l-konfużjoni.

Akkost ta’ kollox, wieħed irid ikun vżat dwar dan l-ażżard, sew jekk għandu ħobżu maħbuż u żejtu fil-kus, kif ukoll jekk hu b’id waħda wara u l-oħra quddiem. L-għażż, b’xi mod jew ieħor, jeħtieġ ikun espost u kkastigat. Fi żmien ir-Rivoluzzjoni Industrijali, f’Hamburg kien hemm fabbrika illi lill-ħaddiema skartaturi sabitilhom tarfhom b’mod kurjuż. L-amministraturi kienu jikkastigawhom billi jdendluhom f’qoffa fuq l-imwejjed tar-rifettorju, biex ikunu jistgħu jaraw u jxommu l-ikel provdut għall-ħawtiela, bla ma jħalluhom iduquh. Applikazzjoni oriġinali tar-regola appostolika, “Min ma jaħdimx lanqas ma jmissu jiekol”!

Talba: “Mulej, Alla tagħna, int għamiltna ħaddiema u persuni kreattivi, u f’dan is-sens nixbhuk. Tħalliniex, mela, ngħaddu mingħajr ma nkunu lieżma fis-sejħa tagħna, sew jekk naħdmu manwalment jew inkella mentalment, sew jekk nipproduċu oġġetti jew inkella noffru servizz. Nixtiequ nħallu d-dinja aħjar milli nkunu sibniha, f’ġieħ Ibnek Ġesù.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Is-Sunnara Mistura

“Tkunux idolatri, bħal xi wħud minnhom; bħalma hu miktub: ‘In-nies poġġew jieklu u jixorbu, u qamu jilagħbu.’ M’għandniex niffornikaw, bħalma xi wħud minnhom iffornikaw, u mietu tlieta u għoxrin elf f’jum wieħed. M’għandniex inġarrbu lis-Sid, bħalma xi wħud minnhom ġarrbuh, u kienu meqrudin mis-serpenti; lanqas tgemgmu, kif xi wħud minnhom gemgmu, u kienu meqrudin mill-anġlu qerried. Issa dawn il-ħwejjeġ ġraw lil dawk in-nies bħala eżempji, u nkitbu bħala ammoniment għalina, li fuqna wasal it-twettiq taż-żminijiet. Għalhekk min jidhirlu li jinsab wieqaf fis-sod għandu joqgħod attent li ma jaqax! Ebda tiġrib ma qabadkom ħlief dak li hu komuni għall-umanità. Però Alla hu fidil, u mhux se jħallikom tkunu mġarrbin lil hinn milli kapaċi tifilħu, iżda mat-tiġrib jipprovdi l-ħruġ ukoll, ħalli tkunu tistgħu tissaportuh” (1 Korintin 10:6-13). It-tiġrib jippreżenta ruħu attraenti; iwiegħed il-kuntentizza, almenu kuntentizza temporanja. Imma qatt ma jiġi b’idejh vojta – joffrili s-sodisfa...

Il-Mogħdrija

“Imma issa intom imisskom tneħħu dawn il-ħwejjeġ kollha: ir-rabja, l-għadab, il-malizzja, l-ikkalunnjar u diskors oxxen minn ħalqkom. Tigdbux lil xulxin, ladarba nżajtu l-bniedem il-qadim bil-prattiċi ħżiena tiegħu, u lbistu l-ġdid, li qed jiġġedded fit-tagħrif veru skont l-immaġni ta’ min ħalqu - tiġdid fejn m’hemmx distinzjoni bejn Grieg u Lhudi, ċirkonċiżjoni u inċirkonċiżjoni, barbaru, Skita, ilsir jew liberu, iżda Kristu hu kollox u f’kulħadd. Mela, bħala l-magħżulin t’Alla, qaddisin u maħbubin, ilbsu sentimenti ta’ mogħdrija, benevolenza, umiltà, manswetudini u paċenzja” (Kolossin 3:8-12).  Il-beninnità hi l-ispirtu ta’ trattament favorevoli, jew il-prattika kostanti u abitwali ta’ azzjonijiet amikevoli u benevolenti. Hemm żewġ prinċipji ewlenin fil-kostituzzjoni umana, li jwettqu serriegħa bla waqfien għall-predominanza: l-egoiżmu u l-benevolenza, jew il-beninnità. L-egoiżmu jikkonċentra s-sentimenti, ix-xewqat u l-azzjonijiet kollha fuq il-promozzjoni tal-benesseri i...