Skip to main content

Viva l-Verità!

“‘Dan hu dak li għandkom tagħmlu: tkellmu l-verità wieħed mal-ieħor; agħmlu l-ġustizzja fi bwiebkom skont is-sewwa, u għas-sliem. Ħadd minnkom m’għandu jaħseb ħsara f’qalbu kontra għajru, u la tħobbux il-ġurament falz, għax dan kollu nistmellu,’ jgħid il-Mulej” (Żakkarija 8:16-17). 

Biex insib il-verità u nżommha bħala pendent ma’ għonqi, inkun wisq vantaġġjat jekk b’devozzjoni nitlob għaliha, għax tingħatali bħall-balzmu fuq ir-ruħ mill-Ispirtu tad-dehen, tal-fehma u t-tagħrif. Kien hemm żmien meta l-hena tiegħi niġġieled, nitmasħan u nikkontendi b’ċerta feroċità għaliha, f’disputi li sikwit ma jħallu xejn ħlief ħerba u morr. Il-kontroversji u polemiċi jkasbru r-ruħ, u jqanqlu t-torba tal-passjoni. It-talb jikkomponi l-moħħ bi ħlewwa ċelesti, u jerġa’ jlebbet l-għabra li tagħmi l-għajnejn, riżultat tal-kontenzjoni. Mhix ovvja, ewwilla, illi wieħed jara aħjar u aktar fil-bogħod f’jum diefi milli f’jum mirjieħ u msaħħab?

Jekk nitkellem falz, ikolli niddefendi kliemi. Jekk nitkellem il-verità, il-verità tiddefendi lili. Sold jiswa xi ħaġa, avolja ma jiswiex daqs lira; mela rrid inkun fidil għall-iċken verità, meta l-okkażżjoni ssejjaħ, bla ma noqgħod ngħid li hija dispensabbli. Ħa nservi lil Kristu; ħa ninstab warajh. Ħa tkun il-kawża tiegħu il-kawza tiegħi, bla ma nċedi l-iċken xagħra ta’ verità, għax il-verità mhix tiegħi, iżda t’Alla. U għalkemm fid-dinja l-verità rari tgħaddi mingħajr ma jigirfulha wiċċha, ma rridx inkun jien li nimmakkjaha. Alla għandu tliet ħwejjeġ tant għeżież għalih fid-dinja: il-qaddisin tiegħu, il-qima tiegħu u l-verità tiegħu. Diffiċli tgħid liema minn dawn hi l-egħżeż għalih. 

Għalkemm il-verità hi waħda, xi aspetti minnha huma rivelati kompletament, u ma ssib ebda marka tagħha fil-ħolqien, ebda print fil-ħwejjeġ madwarna, ċoè, fl-għemejjel diversi t’Alla, biex bihom niddixxernuhom. Fost dawn insemmu l-misterji tal-vanġelu u tat-Trinità. Biss veritajiet oħra għandhom xi indikazzjoni jew għeliem fil-ħolqien innifsu, li bihom għandna indikat suffiċjentement illi mhumiex stħajjil jew immaġinazzjoni, pereżempju, illi hemm Alla. 

Talba: “Mulej Ġesù, jekk ma tgħallimnix int, nibqa’ injorant. Kun int il-Profeta għalija mingħand il-Missier. Jekk ma tpattix għal dnubieti int, nibqa’ ħati, korrott u maħmuġ, taħt kundanna ċerta. Kun int il-Qassis il-Kbir tiegħi. Jekk ma tirrenjax fuqi int, nibqa’ dgħajjef u vittma tal-għedewwa spiritwali tiegħi. Kun int mela s-Sultan fuqi, biex nitgħallem nobdik u nkun protett minnek kull ħin. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Is-Solitudni

“Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: waqt biex titwieled u waqt biex tmut; waqt li tħawwel u waqt li taqla’ l-imħawwel; waqt li toqtol u waqt li tfejjaq; waqt li tibki u waqt li tidħaq; waqt li tagħmel il-vistu u waqt li tiżfen; waqt li tarmi l-ġebel u waqt li tgeddes il-ġebel; waqt li titgħannaq u waqt li titbiegħed mit-tgħanniq; waqt li tfittex u waqt li titlef; waqt li terfa’ u waqt li tarmi; waqt li tqatta’ u waqt li tħit; waqt li tiskot u waqt li titkellem; waqt li tħobb u waqt li tobgħod; waqt ta’ gwerra u waqt ta’ sliem” (Ekkleżjażti 3:1-8). Is-solitudni, bħal-lupi bir-ragħwa f’ħalqu, tissajja fid-dellijiet tal-avversità, lesta biex taqbeż fuqi. Jgħidu fjakkola mkebbsa tgerrex lil-lupu u ma jersaqx lejk. Jheddek, imma jibqa’ distakkat. Il-fjakkola hi biss il-komunjoni li nista’ mmantni kostantement, bla interruzzjoni, mal-Missier. Imma rrid inżommha f’idi, mhux nitlaqa’ quddiem l-għarix. U nieħu ħsiebha, mhux nittraskuraha.  Inġerragħ is...