Skip to main content

Kor Ta' Tifħir

“Faħħru lill-Mulej! Faħħru lill-Mulej mis-smewwiet: faħħruh fl-ogħla smewwiet. Faħħruh, anġli tiegħu kollha: faħħruh, eżerċti tiegħu kollha! Faħħruh, xemx u qamar; faħħruh, kwiekeb kollha li tiddu. Faħħruħ, smewwiet tas-smewwiet, u intom ilmijiet ta’ fuq is-smewwiet! Ħa jfaħħru dawn isem il-Mulej, għax hu kmanda u huma nħolqu. Hu waqqafhom ukoll għal dejjem ta’ dejjem; tahom ordni li ma tinkiser qatt. Faħħru l-Mulej minn fuq l-art, monstri tal-baħar, u intom abbissi kollha; in-nar u s-silġ, il-borra u ċ-ċpar, l-irwiefen li jisimgħu kelmtu, il-muntanji u l-għoljiet kollha, is-siġar tal-frott, u ċ-ċedri kollha” (Salmi 148:1-9).

Rivoluzzjonarju u anarkista Russu jafferma: “Kollox jgħaddi, u d-dinja għad tinqered, imma d-Disa’ Sinfonija tibqa’.” Din l-opra ta’ Beethoven tinkludi l-Ode għall-Ferħ. Das-salm huwa wkoll sinfonija, ħalleluja universali. Hu xewqa, appell u invokazzjoni lit-totalità tal-ħolqien biex jaġixxi kif suppost jaġixxi, ċoè, f’akkordju ta’ tifħir lil Alla li waħdu hu suprem, assolut u sovran.

Ir-raġunijiet prinċipali għala jmissna nfaħħru lill-Mulej huma tnejn. Hu l-Oriġinatur, is-Sors u l-Arkitett ta’ kulma hu! Fi kliem l-Iskittura, hu “l-Missier li minnu tissemma kull familja fis-sema u fl-art” (Efesin 3:14-15). Raġuni ugwalment importanti: hu rrikonċilja lejh poplu pekuljari għalih. Fi kliem ieħor, qed jifforma ħolqien ġdid waqt li l-qadim għadu għaddej. 

Evidentement id-dnub introduċa nota qawwija ta’ diskordja u żarżir. Żbrana l-armonija sinfonika ta’ qima lill-Ħallieq uniku, li l-qawwa u s-supremazija tiegħu kienet u tibqa’ tidher fil-ħwejjeġ li għamel. 

Is-salm huwa antiċipazzjoni tar-rinovazzjoni tal-ħolqien, li mbagħad jiffunzjona “normali,” diċenti, u mhux aktar suġġettat għall-frugħa. Il-ħolqien materjali huwa wkoll inkluż fil-fidwa ta’ Kristu!

Nisimgħu wkoll it-tama leħħieħa u l-mistennija li għad twelled kunċert mużikali ta’ tifħir u ġieħ lil Alla Trinità. Bix-xieraq jibda minn issa stess, skont ir-rieda rivelata tal-Missier. Id-dnub, però, hu impediment gravi.

Għaldaqstant nammiraw wieħed mill-effetti mbierka tal-evanġelju: li fi Kristu, ir-Ras, l-armonija għad tkun irrestawrita, u l-anġli u l-bnedmin jinġiebu f’familja waħda. Il-kreaturi qaddisa kollha jaduraw l-istess Alla u Salvatur. L-allat foloz huma esklużi. Id-demonji mhumiex mistiedna: bid-digriet t’Alla huma lil hinn minn kull tama ta’ fidwa.

Għalissa, bħala riżultat tal-evanġelju tal-grazzja, Alla għandu komunità ta’ fidili li jagħrfuh, iħobbuh, jadurawh sinċerament u bil-ferħa, kif ukoll igawduh. Individwalment jgħollu leħinhom, u jgħidu, “O Deus, ego amo te,” – ja Alla, jien inħobbok. 

Talba: “Niġu korporalment quddiemek bit-tifħir, o Alla tagħna. Għalkemm il-qima tagħna qajla tlaħħaq mal-infinità tiegħek, madankollu sikwit il-qalb titfawwar b’lehmiet tal-maestà u l-eċċellenzi tiegħek hekk li tkun trid lil ħaddieħor jingħaqad magħha fit-tifħir, unità waħda. Ħa tkun l-adorazzjoni tagħna l-aqwa motiv biex nilħqu lil ħaddieħor bl-evanġelju. Ammen.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Lejk Nerfa' Ħarsti

“Nerfa’ għajnejja lejn l-għoljiet, minn fejn tiġi l-għajnuna tiegħi. Mill-Mulej tiġi l-għajnuna tiegħi, hu li għamel is-sema u l-art. Hu ma jħallix lil riġlek jogħtor; dak li jħarsek ma jongħosx. Ara, dak li jħares lil Iżrael la jongħos u lanqas jorqod. Il-Mulej il-protettur tiegħek; il-Mulej hu dellek fuq lemintek. Ix-xemx ma tolqtokx binhar, lanqas il-qamar billejl. Il-Mulej iħarsek minn kull deni; hu iħarislek ruħek. Il-Mulej iħares il-ħruġ u d-dħul tiegħek, minn issa u għal dejjem ta’ dejjem” (Salmi 121:1-8). Huwa għaqal, anzi, dehen minn fuq, li nkunu kapaċi nagħtu direzzjoni korretta għall-mistennija u t-talb tagħna. Il-viżjoni tas-salmista hi ffokata strettament fuq id-destinazzjoni finali tiegħu, Ġerusalemm, u Sijon, l-għolja t’Alla. Mhux faċli twaħħal ħarstek fid-direzzjoni profitabbli, meta bosta attrazzjonijiet oħra jlellxu madwarna. Fi żmien il-prova, aħna ninstabu inklinati żżejjed biex niksbu għajnuna minn ħwejjeġ instabbli, biex insibuhom biss bħal qasba mġelġla l...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...