Skip to main content

Imma Naraw Lil Ġesù

“Mhux lill-anġli ssuġġetta d-dinja li ġejja, li dwarha qed nitkellmu. Anzi, xi ħadd attesta x’imkien, billi qal: ‘X’inhu l-bniedem biex tiftakar fih? Jew bin il-bniedem biex tinsab ikkonċernat dwaru? Għamiltu xi ftit ibax mill-anġli; inkurunajtu bi glorja u b’unur. Kollox issottomettejt taħt saqajh.’ Filli ssottometta għalih il-ħwejjeġ kollha, Alla xejn ma ħalla insubordinat għalih. Frattant għalissa għadna m’aħniex naraw il-ħwejjeġ kollha suġġetti għalih. Imma naraw lil Ġesù, li kien magħmul għal xi ħin ibax mill-anġli, issa inkurunat bi glorja u b’unur minħabba s-sofferenza tal-mewt, ħalli bil-grazzja t’Alla jduq mill-mewt għal kulħadd” (Ebrej 2:5-9).

Ġesù huwa merfugħ fl-ogħla maestà, irregalat b’ġieħ u glorja minħabba li sofra l-mewt għan-nom tagħna. Il-manswet hu l-maestuż, l-umiljat eżaltat. Il-qaddej hu difatti rjali. Inħarsu lejh u nifhmu kull paradoss evanġeliku, u jdawlilna d-dlam tagħna. Iniżżilna miegħu sal-wied tal-viżjoni, biex aħna u ngħammru fl-għamiq nammirawh fil-għoli, għax “ħadd ma tela’ fis-sema ħlief dak li niżel mis-sema – Bin il-Bniedem” (Ġwanni 3:13). Iġegħilna nħossu dnubna biex napprezzaw il-maħfra tiegħu. Jagħmel li l-ħtija tagħfas fuqna biex nithennew bil-ġustifikazzjoni miksuba b’demmu. 

Bħala l-Imgħallem, jgħallimna bil-paradoss, għax hu nnifsu l-Paradoss f’dinja antitetika għalih. Jurina kif it-triq għan-niżla hi t-triq għat-telgħa, l-umiljazzjoni hi l-eżaltazzjoni, il-qalb maqsuma hi l-qalb mfejqa u stabbli, l-ispirtu mnikket hu l-ispirtu tal-ġublew u ċ-ċelebrazzjoni, ir-ruħ niedma hi attwalment ir-ruħ vittorjuża. 

Jikkonvinċina b’sengħa eterna illi meta m’għandna xejn nippossiedu kollox. Meta nġorru s-salib qegħdin nitħarrġu biex nilbsu l-kuruna. Meta nagħtu nirċievu. Meta naslu fl-ifnad parti tal-wied inkunu kwalifikati għall-viżjoni beatifika. 

Jistedinna biex fid-dalma tagħna nsibu d-dawl tiegħu, f’mewtna l-ħajja tiegħu, fil-vistu l-kumpanija tiegħu, fid-dnub il-grazzja tiegħu, fil-povertà tagħna r-rikkezzi vasti tiegħu. Dan hu Alla Sidna, il-Paradoss spjegat għall-inizjati, ċoè, għal kull min jafda fih. 

Talba: “Mulej Ġesù, int ġejt bħala dawl fid-dinja biex kull min isegwik żgurament ma jibqax fid-dalma, anzi jingħatalu dawl il-ħajja. Poġġejtna fid-direzzjoni t-tajba; tajtna t-tagħrif t’Alla ħaj u veru. Avolja ma nifhmux kollox, nitolbuk biex inkomplu nafdaw fik, u tkompli tgħarrafna l-għoli u l-fond u l-wisa’ u t-tul ta’ mħabbtek lejna, bil-maħfra tad-dnubiet u s-supremazija ħelwa tiegħek fuqna.”

Comments

Popular posts from this blog

Qawwija fid-Dgħufija

“U mqar jekk l-evanġelju tagħna hu mgħotti, hu mgħotti biss għal dawk li qed jintilfu. Fil-każ tagħhom l-alla ta’ daż-żmien għema mħuħ il-miskredenti, sabiex ma jiddix fuqhom it-tidwil tal-evanġelju tal-glorja ta’ Kristu, li hu l-immaġni t’Alla. Għax mhux lilna nfusna nippritkaw, iżda ’l Kristu Ġesù bħala s-Sid, u aħna nfusna l-qaddejja tagħkom minħabba Ġesù. Għax Alla, li qal, ‘Ħa jiddi d-dawl mid-dlam,’ huwa dak li idda fi qlubna għat-tidwil tat-tagħrif tal-glorja t’Alla f’wiċċ Kristu. Imma għandna dat-teżor f’reċipjenti xaqqufin sabiex jintwera li din l-eċċessività tas-setgħa tappartieni għal Alla u mhijiex minna nfusna” (2 Korintin 4:3-7). Hemm kontinwità fil-fidi: ninsabu f’suċċessjoni ta’ demm martri. Ħa ngħaddu t-torċa minn id għall-oħra, minn ġenerazzjoni għall-oħra. Apparti l-fidili fil-knisja stabbilita, insibu n-Novatjani, id-Donatisti, il-Valdiżi (seklu 12), l-Albiġiżi (seklu 13), il-Lollardi (wara Wiklef fis-seklu erbatax), l-Aħwa Boħemjani (seklu 15), u l-Anabattis...

Alla u l-Atomu huma Inviżibbli

“Għax ir-rabja t’Alla qed tkun irrivelata mis-sema kontra kull empjetà u inġustizzja tal-bnedmin li jissopprimu l-verità fl-inġustizzja, għaliex dak li jista’ jkun magħruf dwar Alla hu evidenti għalihom, għax Alla lilhom immanifestah. Għax l-attributi inviżibbli tiegħu – kemm is-setgħa dejjiema kif ukoll in-natura divina tiegħu – jidhru distintivament mill-ħolqien tad-dinja, mifhuma mill-ħwejjeġ magħmula, tant li huma bla skuża” (Rumani 1:18-20). Alla mhu mkien, jew kullimkien? L-ateiżmu u l-Kristjaneżmu huma ż-żewġ pożizzjoni li ma jippretendu ebda inkonsistenza. Kwalunkwe filosofija bejniethom – deiżmu, anjostiċiżmu, edoniżmu, panteiżmu, u l-bqija – huma kollha kompromettenti. Jekk is-soċjetà tipprova tinbena fuq l-edoniżmu, pereżempju, ir-riżultat mhux diffiċli tindovinah bil-quddiem. Jirriżulta biss kaos u diżgwid.  Jekk Bin Marija mhuwiex ukoll Bin Alla, m’għandna ebda kawża soda kontra l-ateiżmu. Avolja xi atej huma biss atej fil-bnazzi, xorta rridu nkunu lesti nwa...

Is-Solitudni

“Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: waqt biex titwieled u waqt biex tmut; waqt li tħawwel u waqt li taqla’ l-imħawwel; waqt li toqtol u waqt li tfejjaq; waqt li tibki u waqt li tidħaq; waqt li tagħmel il-vistu u waqt li tiżfen; waqt li tarmi l-ġebel u waqt li tgeddes il-ġebel; waqt li titgħannaq u waqt li titbiegħed mit-tgħanniq; waqt li tfittex u waqt li titlef; waqt li terfa’ u waqt li tarmi; waqt li tqatta’ u waqt li tħit; waqt li tiskot u waqt li titkellem; waqt li tħobb u waqt li tobgħod; waqt ta’ gwerra u waqt ta’ sliem” (Ekkleżjażti 3:1-8). Is-solitudni, bħal-lupi bir-ragħwa f’ħalqu, tissajja fid-dellijiet tal-avversità, lesta biex taqbeż fuqi. Jgħidu fjakkola mkebbsa tgerrex lil-lupu u ma jersaqx lejk. Jheddek, imma jibqa’ distakkat. Il-fjakkola hi biss il-komunjoni li nista’ mmantni kostantement, bla interruzzjoni, mal-Missier. Imma rrid inżommha f’idi, mhux nitlaqa’ quddiem l-għarix. U nieħu ħsiebha, mhux nittraskuraha.  Inġerragħ is...